Fil-Knejjes kollha Agostinjani madwar Malta fil-Ħamisjiet li ġejjin jiġu ċċelebrati l-Ħamisjiet ta’ devozzjoni bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Rita. Id-devozzjoni tal-15-il Ħamis tintrabat mal-fatt li Santa Rita ġarret ix-xewka ta’ Kristu fi xbinha għal ħmistax il-sena, wara li talbet biex taqsam miegħu it-tbatijiet li sofra għalina. Tul is-snin, tant nies irrikorrew għall-interċessjoni ta’ Santa Rita bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u talbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem il-Mulej.
Santa Rita kienet reliġjuża Agostinjana li għexet fiċ-ċentru tal-Italja aktar minn 600 sena ilu. Fil-ħajja tagħha għexet il-ħajja taż-żwieġ, kienet omm taż-żewġ ulied, romlot u aktar tard ingħaqdet mas-sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva. Dawn l-aspetti, flimkien mal-isfidi li għexet fil-ħajja tagħha jagħmluha qaddisa tant popolari fid-dinja kattolika.
Ir-reliġjużi Agostinjani f’għadd kbir ta’ bliet madwar id-dinja xerrdu id-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Tul il-Ħamisjiet li jwasslu għall-festa ta’ Santa Rita, fil-knejjes kollha Agostinjani madwar Malta jsir talb speċjali bl-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli.
Il-Ħamisijiet mhux fil-knejjes kollha jibdew flimkien għax tvarja d-data ta’ meta tiġi ċċelebrata l-festa tagħha fil-knejjes divverenti tagħna. F’xi knejjes oħra jaqbżu xi ħamis meta taħbat xi solennita oħra tal-knisja. Il-Festa ta’ Santa Rita fil-belt Valletta u fir-Rabat Għawdex, li huma ċ-ċentri ewlenin tad-devozzjoni lejn il-qaddisa, tkun iċċelebrata fil-ġurnata liturġika, jiġifieri fit-22 ta’ Mejju. Knejjes oħra Agostinjani jiċċelebrawha fi ġranet oħra qrib dik id-data.