
Għall-grazzja t’Alla erġajna qed niċċelebraw l-Għid il-Kbir li fih isib il-milja tiegħu il-misteru ta’ dawn il-jiem qaddisa li niċċelebraw b’liturġija tant qawwija flimkien mal-komunitajiet li nservu. Huwa l-mument li fih niċċelebraw il-Fidi tagħna f’Alla l-Missier li ħabbna tant li tana din il-possibilità li nqumu flimkien ma Ibnu wara l-waqgħat u l-mewt tagħna. Fiċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa ta’ Kristu fuq id-dlam taslilna stedina ta’ kull sena biex inġeddu fina nfusna l-ħarsa tagħna ‘l quddiem permezz tat-tama ta’ qawmien ġdid.
Dan it-tiġdid, u partikolarment din l-istedina, mhix ħolma għall-futur, imma sfida konkreta għall-ħajja tagħna llum. L-Għid il-kbir filfatt mhux biss festa jew okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni imma sejħa biex kuljum nerġgħu nibdew mill-ġdid. Kull nisrani huwa msejjaħ biex kuljum iħares lejh innifsu u jara liema mewt għandu bżonn jerbaħ, u liema attitudnijiet għandhom bżonn bidu ġdid fil-ħajja tiegħu. Din bla dubju ta’ xejn hija responsabiltà kbira li nġorru bħala nsara u bħala konsagrati. Minna jiddependi l-ferħ ġenwin li nittrasmettu bħala nsara, u minnha nibqgħu nikbru kuljum fix-xhieda profetika u awtentika li imbagħad nitrasmettu mbagħad bħala kkonsagrati.
Huwa propju f’dan l-ispirtu ta’ tiġdid li jidher dak li verament jinkuraġġina Santu Wistin meta jħeġġiġna biex niċċelebraw il-festa tal-Għid, “mhux biss bil-fomm iżda bil-ħajja tagħna”. (Priedka 228) Santu Wistin spiss ifakkarna li dan nagħmluh mhux biss meta nilqgħu is-sejħa biex ninbidlu, imma anke billi nadottaw stil ta’ ħajja li jesprimi kontinwament tifħir u radd il-ħajr lil Alla. Huwa biss f’dan l-Ispirtu li nistgħu nagħmlu tagħna l-ferħ tal-Għid u nħalluh jasal għand dawk ta’ madwarna.
B’dan l-ispirtu, nieħu l-opportunità biex f’isem l-aħwa kollha nawgura lilkom u lill-familjari tagħkom Għid qaddis. Fil-ħsieb tagħna nżommu anke lill-aħwa li huma mtaqqla bil-mard u magħhom anke ġenituri, familjari u ħbieb tagħna. Jalla nsibu mod kif lil dawn in-nies inwasslulhom it-tama ta’ Kristu rebbieħ.
L-Għid it-tajjeb!
P. Leslie Gatt osa
Pirjol Provinċjali