Ħa Jkunu l-Komunitajiet u l-Istrutturi Tagħna Esperjenza ta’ Sinodalità

L-aħħar jiem ta’ Awwissu jġibu magħhom is-Solennita ta’ Santu Wistin Missierna li fiha l-Knisja tħares lejn il-figura ta’ ta’ dan il-qaddis kbir u tiċċelebrah fost dawk li għexu l-magħmudija tagħhom fil-milja tagħha.

Din hi s-sejħa ta’ dawk kollha li jagħmlu parti mill-komunità nisranija u li huma msejħa biex kontinwament ifittxu lil Alla flimkien u jiċċelebraw il-fidi tagħhom fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum. Din kienet l-esperjenza naturali taż-żgħażugħ Wistin li fittex li jimrah ma’ sħabu saħansitra fl-aktar postijiet imbegħda ‘il barra minnu nnifsu’, u magħhom ukoll qasam dak li sab: lil Alla ‘li kien jgħammar fih’. Dan hu dak li Ommna l-Knisja tistedinna naqsmu flimkien, u ngħixu f’esperjenza ta’ fidi u sinodalità li ma tkunx l-istess mingħajr is-sehem ta’ kull wieħed minna.

Il-kelma sinodu minnha nfisha tirreferi għal assemblea jew laqgħa ta’ smigħ ta’ xulxin. Allura fi kliem sempliċi, r-riflessjoni li qed tistedinna nagħmlu l-knisja bħalissa hija opportunità biex nirriflettu fuq is-sehem ta’ kull wieħed minnha, il-kontribut li kull wieħed jista’ jagħti lill-komunità, il-komunjoni ta’ bejnietna, is-smigħ, u l-attenzjoni għall-xulxin u għal dak li jagħmilna dak li aħna. F’omelija li l-Kardinal Mario Grech kien għamel f’jum is-Solennità ta’ Santu Wistin (Ruma, 2020) fejn tkellem dwar is-sinodalità, kien fakkar li “għal Santu Wistin l-idea tal-Knisja bħala komunità hija waħda inklussiva u mhux esklussiva, dejjem lesta li tilqa’, u miftuħa għal-kulħadd mingħajr distinzjonijiet jew differenzi: il-katoliċità tagħha tesprimi vokazzjoni għat-totalità.

Din hi l-esperjenza li xtaqt nipproponi għar-riflessjoni tagħna din is-sena, kemm għalina bħala aħwa reliġjużi li għadna kif għexna l-esperjenza ta’ Kapitlu Provinċjali Ordinarju li kienet mument sabih li ġabna flimkien, u anke għalina lkoll bħala Knisja li f’dawn is-snin qed tgħix mixja sinodali. Żgur li dan kollu mhux diskors ġdid, imma jeħtieġ li nibqgħu infakkruh lil xulxin. Bħala mgħammdin (u anke lilna r-reliġjużi bħala persuni kkonsagrati) huwa diskors li għandu jinterpellana aħna u nfittxu li nġeddu kontinwament lilna nfusna u l-istrutturi tagħna.

Illum ngħixu f’soċjeta li minna, aktar milli minn ħaddieħor, tistenna kredibilità u bir-raġun. Aħna skoprejna esperjenza li ġġib magħha responsabilità kbira biex ngħixuha b’mod awtentiku u aktar minn hekk biex naqsmuha mal-oħrajn. Iċ-ċelebrazzjoni tal-qdusija ta’ Santu Wistin hija sinjal ta’ tama li jum wieħed anke aħna għad inkunu qaddisin. L-esperjenza tal-flimkien hija karatteristika intrinsikament marbuta mal-identità Agostinjana tagħna u bla dubju ta’ xejn, esperjenza li s-soċjeta tant għandha bżonn.

Jalla l-komunitajiet u l-istrutturi tagħna jkunu esperjenzi żgħar ta’ sinodalita u tas-sabiħ li nkunu flimkien, li naqsmu l-esperjenza ta’ Alla flimkien u fuq kollox li nkunu xhieda tiegħu f’dak kollu li ngħamlu. Jibqa l-fatt li l-esperjenza kollha tal-‘flimkien’ ma tinbeniex jekk ma titlaqx mill-għażliet żgħar ta’ kull wieħed u waħda minna!

 

Fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali

Scroll to Top