Bejn l-14 u t-18 ta’ Ottubru grupp ta’ reliġjużi Agostinjani inġabru għall-irtir annwali tagħhom f’Dar Stella Maris fiż-Żebbuġ Għawdex. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb, riflessjoni u qsim, akkumpanjati minn Fr Richard Nazzareno Farrugia li jservi bħala Arċipriet tax-Xagħra u għal diversi snin ħadem anke bħala Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex. Ir-riflessjonijiet ta’ Fr Richard poġġew stedina ċara biex wieħed jirrifletti fuq ir-realtà tiegħu f’konfront ma’ testi mill-kelma t’Alla li jipprovokaw is-sejħa ta’ kull wieħed bħala mgħammdin, bħala reliġjużi u bħala Saċerdoti. Il-Ġimgħa mbagħad l-aħwa iċċelebraw l-Ewkaristija fis-santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.
Dawn il-jiem kienu anke opportunità sabiha biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabih tal-ħajja reliġjuża agostinjana lilhinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attivita. Il-ġranet tal-Irtir jagħtu anke okkażjoni ta’ esperjenza sabiħa ta’ talb b’mod aktar kalm, mumenti ta’ qsim, u opportunità sabiħa ta’ tiġdid spiritwali.