Bejn is-17 u t-18 ta’ Marzu, il-Patrijiet Agostinjani Maltin iltaqgħu għall-Ewwel parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed jiġi ċċelebrat f’The Santa Rita Priory, San Ġiljan. Lejlet il-ftuħ tal-Kapitlu ġiet organizzata Velja ta’ talb fil-Knisja San Nikola minn Tolentino, Ħal-Tarxien. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li fiha r-reliġjużi jinġabru flimkien biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. L-Agostinjani jagħtu s-servizz tagħhom lill-Knisja u lis-soċjetà f’diversi oqsma, f’Malta u lil hinn minn xtutna.
Il-Kapitlu fetaħ it-Tlieta 17 ta’ Marzu filgħodu permezz tal-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu li fiha, l-Assistent Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, P. Martin Davakan O.S.A. ta l-mandat lill-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. u għaldaqstant ser ikun qed iservi l-Provinċja għall-erba’ snin li ġejjin. Il-jum tat-Tlieta kompla bid-diskors tal-ftuħ mill-President tal-Kapitlu, rapport fuq il-qagħda tal-Provinċja mill-Pirjol Provinċjali u rapport mill-Ekonomu Provinċjali.
F’sessjoni tal-Erbgħa filgħodu 18 ta’ Marzu ġew eletti l-uffiċjali tal-Provinċja bil-membri tal-Kunsill tal-Provinċja jkunu P. Terence Spiteri O.S.A., P. Pierre Desira O.S.A., P. David Cortis O.S.A., P. Alexander Cauchi O.S.A.
P. Terence Spiteri O.S.A. ġie elett bħala Segretarju Provinċjali waqt li P. Martin Micallef O.S.A. bħala Ekonomu Provinċjali.
Fil-ġranet li ġejjin ikomplu d-diskussjonijiet fil-Kunsill Provinċjali sakemm imbagħad il-Provinċja terġa’ tiltaqa f’Assemblea Plenarja għat-Tieni Parti tal-Kapitlu li ser jinżamm bejn it-13 u s-17 ta’ April 2026.