F’Ħal Tarxien jinkixef monument f’ġieh P. Hilary Tagliaferro

F’ċerimonja mtella’ mill-Kumitat Organizzattiv tal-ex membri tal-Oratorju Agostinjan f’Ħal-Tarxien u fuq inizjattiva tal-istess grupp, illejla ġie inawgurat monument f’Joanne Gardens, biex ifakkar lil P. Hilary Tagliaferro OSA u l-ħidma tiegħu tul is-snin. Dan qed isir propju f’għeluq id-90 sena tal-istess P. Hilary li twieled f’Ħal Tarxien nhar it-18 ta’ Ottubru 1934.

Bħala reliġjuż Agostinjan żagħżugħ, P. Hilary serva bħala direttur tal-Oratorju propju f’raħal twelidu Ħal Tarxien. Sadanittant kien ġa impenjat fl-isports, fejn serva bħala coach u ġurnalist sportiv. Il-karriera tiegħu fl-isports tul is-snin wasslitu biex ikkontribwixxa f’diversi strutturi sportivi u partikolarment fit-twaqqif tal-Għaqda Kittieba Sports u ċ-Ċentru Sports Edukattiv. Fil-Knisja lokali, kien parti wkoll mit-twaqqif ta’ dik li llum nafuha bħala l-Kummissjoni Djoċesana Sport. Fis-sena 2000, flimkien mal-komunità Agostinjana fejn kien jgħix ġewwa Paceville, ħadem qatigħ biex parti mill-kunvent jilqa’ fih il-Millennium Chapel Complex fejn għadu jaħdem sa llum. Tul is-snin ħadem anke maż-żgħażagħ maħkuma minn vizzji u anke mal-priġunieri.

Minn qalbna nawguraw lil P. Hilary ħafna aktar saħħa u ħidma fl-għalqa tal-Mulej.

Scroll to Top