Din is-sena l-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani reġgħet organizzat il-Festa Familja Agostinjana. Din saret nhar is-Sibt, 7 ta Ġunju 2025. L-iskop ta’ din l-attivita’ hija li l-lajċi midħla tagħna l-Agostinjani f’Malta u Għawdex, jiltaqgħu flimkien biex jitolbu, jieħdu gost f’ambjent rilassanti u sabiħ, u fuq kollox jikbru fil-ħbiberija u l-komunjoni bejniethom.
L-attività ta’ qabel din kienet saret fil-Knisja tagħna l-Agostinjani f’Paceville nhar is-7 ta Mejju 2025. Dakinhar il-lajċi kellhom laqgħa ta’ riflessjoni fuq personaġġi mill-Bibbja li huma sinjali ta’ tama. Billi dakinhar kien għaddej il-Konklavi tal-Kardnali kien sar talb għall-għażla ta’ Papa ġdid. Mulej sema’ talbna għax l-għada, il-Ħamis 8 ta’ Mejju ġie elett mhux biss Papa ġdid, imma Papa Agostinjan fil-persuna ta’ Patri Robert Francis Prevost li ħa l-isem ta’ Ljun XIV.
Il-festa Familja Agostinjana 2025 bdiet b’quddiesa votiva għall-bżonnijiet tal-Papa Ljun XIV. Din saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema milI-Provinċjal, P. Leslie Gatt OSA.
Wara l-quddiesa l-lajċi marru Harbour Cruise il-port ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir. Waqt il-Harbour crusie l-lajċi ingħataw kafe jew te u snack. Minn tas-Sliema waslu l-Birgu fejn kellna ikla tajba flimkien f’wieħed mir-restoranti tal-Birgu Waterfront. Konna ‘il fuq minn mitt ruh. Kulħadd ħa gost f’din il-Festa Familja Agostitnjana b’differenza.
Nieħu l-oppotunita’ biex nirringrazzja ħafna lill-membri kollha tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani li għamlu minn kollox biex din l-attivita’ setgħet tkun possibli u tilaq l-iskop tagħha li ġib numru kbir ta’ lajċi midħla ta’ l-Agostinjani flimkien.
P. Franco Grech osa


