Ċelebrazzjonijiet Ċentinarji tal-Festa ta’ Santa Rita fil-Belt Valletta

Matul ix-xahar ta’ Mejju il-Familja Agostinjana, flimkien mal-knisja u mal-ħafna devoti ta’ Santa Rita, ċċelebrat il-festa liturġka tagħha. Din is-sena l-Provnċja Agostinjana Maltija ħasbet għal ċelebrazzjonijiet speċjali li permezz tagħhom iċċelebrat anke il-125 sena mill-kanonizzazzjoni tal-Qaddisa tal-Impossibbli li saret mill-Papa Ljun XIII fis-sena 1900.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ċentinarji fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fetħu permezz tal-ewwel ħamis ta’ Santa Rita f’Jannar li għadda u laħqu l-qofol tagħhom permezz ta’ Pellegrinaġġ Nazzjonali li fih il-familja Agostinjana kollha nġabret flimkien biex tiċċelebra l-qaddisa f’jum il-festa liturġika tagħha nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju.

Kienet verament ġurnata li ġabet flimkien tant nies jitolbu l-interċessjoni ta’ Santa Rita. Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, li għal tant snin ilha sservi bħala ċentru nazzjonali tad-devozzjoni lejn il-qaddisa, matul in-nofs ta nhar ta’ filgħodu ġew iċċelebrati diversi quddisiet li għalqu bit-talba tas-Supplika f’nofsinhar. Waqt il-quddiesa tal-10.30am il-Provinċjal P. Leslie Gatt poġġa f’riġlejn Santa Rita warda maħduma fil-fidda mis-Sur Gabriel Farrugia u mogħtija b’ringrazzjament lil Santa Rita.

Fil-5.30pm ġiet iċċelebrata quddiesa solenni mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna flimkien mal-Komunità Agostinjana, u wara beda pellegrinaġġ bl-istatwa devota tal-qaddisa fit-toroq prinċipali tal-Belt. Matul il-pellegrinaġġ l-istatwa devota ta’ Santa Rita ttieħdet quddiem il-Monasteru tas-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva fejn saret talba minn Madre Mikelina Mifsud OSA, u wara saret waqfa oħra quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn saret talba minn Madre Rachael Frendo Provinċjali tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesu u Marija. Il-Pellegrinaġġ kien animat mill-Fraternità Agostinjana Sekulari.

Barra miċ-ċelebrazzjonijiet tal-jum tal-festa ġew organizzati diversi inizjattivi oħra li ġabru n-nies f’esperjenza sabiħa ta’ fidi u talb bl-interċessjoni ta’ Santa Rita. Fost dawn ta’ min isemmi ċ-ċelebrazzjoni għall-anzjani u l-morda bis-sagrament tal-Griżma li saret is-Sibt 17 ta’ Mejju u kienet frekwentata minn tant morda li nġiebu minn diversi djar tal-anzjani. Din iċ-ċelebrazzjoni kienet ippreseduta minn Mons. George Frendo O.P..

Il-Festa ta’ Santa Rita toffri  spazju mill-isbaħ fejn tant persuni ġew bit-toqol tal-ħajja tagħhom u talbu l-għajnuna tal-Mulej bl-interċessjoni tagħha.

Ritratti: Archdiocese of Malta

Scroll to Top