Il-Provinċja Agostinjana Maltija tinagħqad mal-ferħ tal-Knisja f’Għawdex u tilqa’ lill-E. T. Mons Anton Theuma li għadu kif ġie nnominat Isqof għad-Djoċesi Għawdxija.
Mons Anton Theuma li għandu 56 sena huwa mix-Xagħra u f’dawn l-aħħar snin serva lill-Knisja bħala Delegat tal-Isqof għall-Familja. Filfatt sa llum huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, u responsabbli mill-kura pastorali taż-żona madwar l-Istitut, fil-Belt Victoria. F’dan l-uffiċċju huwa ħadem ħafna fil-pastotrali tal-familja partikolarment il-korsijiet ta’ preparazzjoni għall-għarajjes u akkumpanjament lill-familji b’diffikulta. Tul is-snin tal-ministeru saċerdotali tiegħu huwa serva wkoll għal 10 snin bħala rettur tas-Seminarju Maġġuri u sal-llum għadu jgħallem fl-istess Seminarju.
Mons Anton Theuma ser ikun l-għaxar isqof għad-djoċesi ta’ Għawdex. Fostom kien hemm l-isqof Agostinjan Mons Giovanni Marija Camilleri, li serva bħala isqof għal aktar minn 35 sena u li matulhom saru diversi proġetti fid-djoċesi li kienet għadha waħda relattivament żagħżugħa. Fost dawn ta’ min isemmi l-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pinu u l-proġett tal-bini tas-Santwarju ddedikat lilha.
Il-Preżenza tal-Agostinjani f’Għawdex tmur lura għal aktar minn 500 sena meta nsibu refernzi għall-Knisja u Kunvent fil-Belt Victoria. Għal ħafna snin dan il-kunvent serva bħala dar tan-novizzjat għall-Provinċja u fiż-żminijiet aktar riċenti bħala dar tal-Irtiri kif għadu jservi sa llum, anke jekk f’dimensjoni iżgħar. Fis-snin riċenti l-Provinċja Agostinjana Maltija bdiet tippromwovi l-figura tal-Ajk Agostinjan Għawdxi Fra Grazzja Gauci u filfatt is-sena l-oħra d-djoċesi laqgħet uffiċjalment it-talba biex inbeda l-proċess ta’ ġbir ta’ materjal relatat mal-figura tal-fra u l-fama tiegħu ta’ qdusija.
Sadanittant, il-provinċjal bagħat messaġġ ta’ Awguri f’isem l-aħwa kollha Agostinjani lill-isqof elett u assigurah mit-talb u l-koperazzjoni tagħna. F’messaġġ ieħor il-Provinċjal irringrazzja lill-E. T. Mons Mario Grech tal-ħidma u l-viċinanza tiegħu tul dawn is-snin li fihom serva bħala isqof tad-djoċesi ta’ Għawdex.
ritratti: Diocese of Gozo