Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, ħatar lill-P. Rocco Ronzani, Agostinjan, Prefett tal-Arkivji Appostoliċi tal-Vatikan. Fost responsabbiltajiet oħra, P. Rocco kien sa issa professur tal-Patroloġija Fundamentali fl-Istitut Pontifiċju Patristiku Augustinianum, f’Ruma. Huwa ser ikun qed jissostitwixxi lil Monsinjur Sergio Pagano, isqof titulari ta’ Celene, li sa llum għadu jservi wkoll bħala kunsillier tal-Kumitat Pontifiċju għax-Xjenzi Storiċi.
Patri Rocco twieled Genazzano l-Italja, fil-21 ta’ Frar 1978. Huwa inagħqad mal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1997, u għamel il-professjoni solenni tiegħu fl-1 ta’ Novembru 2002. Ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ Ġunju 2004 u fl-2010 kiseb dottorat fit-Teoloġija u Xjenzi Patristiċi fl-Istitut Pontifiċju Patristiku Augustinianum f’Ruma. Huwa jservi wkoll bħala konsulent tad-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin, direttur tal-Arkivji Storiċi tal-Provinċja Agostinjana tal-Italja u professur tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università Pontifiċja tal-Lateran f’Ruma.
Il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin u l-Kunsill tiegħu ħabbru din l-aħbar lill-Ordni u esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-Papa Franġisku li għoġbu jafda dan l-uffiċju ta’ “fiduċja u responsabbiltà” lil wieħed mill-aħwa Agostinjani.
.