Messaġġ tal-Għid mill-Pirjol Provinċjali

Inħallu lil Kristu Jgħaġġibna

Wara sentejn ta’ restrizzjonijiet li ċaħħduna miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-knejjes tagħna, għal darba oħra qed nerġgħu niċċelebraw flimkien bħala komunità ta’ fidi l-Misteru tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu. Għalkemm xorta ma nistgħux ngħidu li aħna ħielsa mill-ħsieb tal-pandemija jew minn kull limitazzjoni fuq il-ġesti li jqarrbuna lejn xulxin, għandna quddiemna opportunità biex naqsmu l-ferħ u t-tama tal-Għid il-Kbir b’aktar qawwa. Fl-aħħar mill-aħħar bħala nsara nafu li huwa hawn li nsibu s-sens veru tal-ħajja tagħna!

Ftit ġranet ilu kellna l-grazzja li nilqgħu fostna l-Papa Franġisku. Fil-preżenza tiegħu minna nfisha rajna trasmissjoni kontienwa ta’ tama nisranija. Kellu l-mumenti meta deher limitat fiżikament, u diversi drabi deher anke għajjien, imma l-preżenza u t-tbissima tiegħu xorta trasmettew ferħ, tama, u disponbilità għall-missjoni li Alla qed jitlob minnu. Huma kwalitajiet li jitilqu minn esperjenza qawwija ta’ fidi li ssib il-qofol tagħha fil-profondità tal-Evanġelju.

Fir-riflessjoni tiegħu quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu (2 ta’ April 2022), il-Papa tkellem fuq ‘is-siegħa tal-mewt ta’ Ġesù imma tkellem ukoll fuq l-ewwel dixxipli li ‘meta raw il-qabar vojt, bla telf ta’ żmien, b’qalbhom tħabbat sitta sitta, marru jiġru biex iwasslu l-aħbar it-tajba tal-Qawmien.’ F’dan il-mument, fi kliem il-Papa ‘Il-biki tan-niket ħdejn is-salib inbidel fil-ferħ tat-tħabbira’. L-istess Papa jfakkarna wkoll ‘fl-Appostli, li dwarhom hemm miktub: “U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija” (Atti 5:42)… It-tħassib li kien iċaqlaqhom kien kif se jxandru u jagħtu xhieda tal-Evanġelju ta’ Kristu (ara Rum 1:1).’

Bl-ispirtu ta’ dawn l-ewwel dixxipli, u bix-xbieha friska tal-Papa Franġsiku - kultant għajjien imma determinat - jagħti xhieda ta’ Kristu fit-toroq tagħna, nixtieq nawgura lil kull wieħedu waħda  minna ċelebrazzjonijiet qaddisa. Jalla ngħixu b’intensità din l-esperjenza qawwija tal-waqfa taħt is-salib li tħares b’tama lejn il-qawmien, biex imbagħad iċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien timlina b’entużjażmu ġdid u ddawwalna fl-isfidi tal-ħajja. Din hi l-veru attitudni nisranija li għandu jkollna! Ejjew ma niddejqux “Inħalluh jgħaġġibna.” U “Nilqgħu bil-ferħ l-aħbar ġdida tiegħu.” (Għeluq tal-Omelija tal-Papa Franġisku fuq il-fosos tal-Floriana, 3 ta’ April 2022)

Minn qalbi nawguralkom li lkoll kemm aħna ngħixu b’dan l-ispirtu l-mixja tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Għalina l-aħwa Agostinjani il-jiem li ġejjin ser iġibu anke ċ-ċelebrazzjoni tat-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 propju fl-Ottava tal-Għid. Inħeġġiġkom tiftakru fina u takkumpanjawna bit-talb tagħkom.

Sadanittant f’isem l-aħwa Agostinjani, nawgura lilkom u lill-familji tagħkom, Għid qaddis.

fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.