P. Pawl Muscat OSA jiċċelebra 50 sena ta’ Ministeru Saċerdotali

P. Pawl Muscat O.S.A. illum iċċelebra Ewkaristija ta’ Radd il-ħajr f’għeluq il-50 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta. Din iċ-ċelebrazzjoni seta jagħmilha llum wara li ċ-ċirkustanzi ma ppermettewx li ssir f’Marzu li għadda kif kien pjanat. P. Pawl filfatt kien Ordnat Saċerdot fl-14 ta’ Marzu 1971.

P.Pawl li huwa minn Ħad-Dingli, kien fi ċkunitu jattendi l-Kulleġġ Santu Wistin fejn ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu u sadanitant, il-patrijiet Agostinjani kienu wkoll qed jagħtu s-servizz pastorali tagħhom fil-kappella ta’ Sant Anton fil-Buskett fejn trabba. Tul is-snin qeda l-ministeru saċerdotali tiegħu f’diversi realtajiet fosthom fil-Belt Valletta, fir-Rabat meta serva anke l-komunita tal-Buskett, u fil-Belt Victoria Għawdex. Ħadem ukoll fil-missjonijiet li l-Provinċja kellha f’La Goulette (Tunez) u f’Katanja (Sqallija). Illum barra li jagħti servizz pastorali fil-parroċċa tagħna tal-Belt, iservi wkoll bħala Kappillan tal-Komunita Agostinjana ta’ Ħajja Kontemplattiva, tal-Monasteru ta’ Santa Katarina tal-Belt Valletta.

Minn qalbna nawgurawlu ħafna saħħa, barka, u fuq kollox ħafna aktar ħidma fl-għalqa tal-Mulej.

 

Grazzi P. Pawl. Ad Multos Annos

 

Ritratti: Tufigno Photo Service

 

 


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.