Il-Familja Agostinjana tiċċelebra...

Il-Familja Agostinjana tiċċelebra... Il-Konverżjoni ta’ Santu Wistin, San Mark Evanġelista u Sidtna Marija Omm tal-Parir it-Tajjeb

Matul is-sena, il-kalendarju liturġiku tal-Knisja joffrielna ġranet partikolari li fihom niċċelebraw il-misteri l-kbar tal-fidwa tagħna, flimkien ma veritajiet ta’ fidi jew ċirkustanzi li għandhom relevanza fl-istorja tas-salvazzjoni u t-tradizzjoni tal-Knisja. Magħhom niċċelebraw anke figuri li jservu ta’ mudelli għalina. Ewlenija fost dawn hija Ommna Marija li niċċelebrawha taħt diversi titli u anke tant qaddisin li għexu b’radikalita il-mixja tagħhom wara Ġesu. Fil-kalendarju liturġiku tal-Familja tagħna Agostinjana u partikolarment tal-Provinċja Maltija l-24, il-25 u s-26 ta’ April huma ġranet ta’ ċelebrazzjoni partikolari.

L-24 ta’ April jimmarka l-jum li fih tant snin ilu, eżattament fis-sena 387, Santu Wistin irċieva s-sagrament tal-Magħmudija. Kienet iċ-Ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid il-Kbir. Huwa għalhekk li f’dan il-jum l-Ordni Agostinjan jiċċelebra l-Konverżjoni ta’ Santu Wistin li hija waħda mill-aktar stejjer ta’ konverżjoni li mmarkaw mhux biss lil Santu Wistin innifsu imma anke servew ta’ ispirazzjoni fit-tradizzjoni nisranija tul is-snin. Din l-esperjenza Santu Wistin jirrakkuntaha partikolarment fil-ktieb tal-‘Istqarrijiet’ bħala l-mument li fih sab lil Alla u qalbu sabet il-mistrieħ.

Fil-25 ta’ April imbagħad il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Evanġelista San Mark. Din is-sena ser jaħbat il-Ħadd u għaldaqstant il-liturġija tal-Knisja tiċċelebra r-4 Ħadd tal-Għid biex tkompli l-mixja ta’ dan iż-żmien liturġiku qawwi fil-ħajja tagħha. Madanakollu San Mark jibqa żomm post importanti fil-Provinċja Agostinjana Maltija li ġġib ismu. Filfatt il-Provinċja Agostinjana ta’ San Mark twaqqfet fis-sena 1817, imma l-Patrijiet Agostinjani kienu ilhom Malta mijiet ta’ snin qabel. Fis-sena 1551 kienu inagħtaw kappella ddedikata lil San Mark fir-Rabat u ftit bini mfarrak madwarha. Dan kien il-bidu ta’ preżenza ta’ komunita Agostinjana f’dan il-post bi knisja u kunvent mill-isbaħ. Kienet propju r-rabta ma din il-preżenza li wasslet biex San Mark jintagħżel bħala patrun tal-Provinċja mat-twaqqif tagħha.

Fis-26 ta’ April imbagħad il-familja Agostinjana madwar id-dinja tiċċelebra l-Sidtna Marija Omm tal-Parir it-Tajjeb li huwa titlu lill-Madonna marbut mal-Agostinjani minħabba s-santwarju li jġib dan it-Titlu f’Ġenazzano ftit ‘il barra minn Ruma, fl-Italja. Din id-devozzjoni nibtet filfatt fil-Knisja Agostinjana f’dan il-post mijiet ta’ snin ilu u eventwalment id-devozzjoni kibret u xterdet mhux biss mal-Familja Agostinjana imma anke f’diversi Knsejjes oħra f’kull rokna tad-dinja. Diversi papiet filfatt irrikorrew għall-interċessjoni ta’ Marija f’dan is-santwarju. F’Malta l-patrijiet Agostinjani għandhom knisja ddedikata lil Madonna taħt dan it-titlu f’Paceville, imma tista tgħid li kwadru tagħha jinsab f’kull knisja oħra Agostinjana. 가상화폐 도박사이트

Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb, ta’ San Mark u ta’ Santu Wistin sabiex il-Mulej ikompli jiggwidana fil-mixja tagħna warajH. Fuq kollox nitolbu għall-Familja Agostinjana u d-diversi inizjattivi pastorali li tħaddan biex il-Mulej iqaddisha u jberikha b’vokazzjonijiet ġodda.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.