Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba - Ktieb ġdid ta' P. Salvino Caruana OSA u P. Francis Calleja OSA

Dan l-aħħar xogħol tal-Professur P. Salvinu Caruana OSA, Direttur tal-Istitut Agostinjan, flimkien ma’ P. Frans Calleja OSA, huwa kitba ta’ Wistin ta’ Ippona In Epistolam Joannis ad Parthos Tractatus X, maqlub mit-test bil-Latin għall-Malti. Huwa kontribut ieħor tal-Provinċja Agostinjana f’Malta mhux biss għall-kitba reliġjuża Agostinjana bl-Ilsienna, iżda wkoll għat-tixrid tal-kitbiet u tat-tagħlim bnin ta’ S. Wistin għalina bħala Nsara.  

Dawn l-għaxar Omeliji huma fost l-iprem ta’ Missierna S. Wistin li huwa għamel matul il-ġimgħa tal-Għid il-Kbir, u matul xi jumejn wara din il-ġimgħa. X’iktarx li huwa għamilhom ġewwa l-Basilica Pacis, imma filgħaxija, f’ħin meta s-semmiegħa seta’ kellhom iktar ħin, u kienu iktar kalmi, jisimgħu prietki ta’ dak it-tul!

Wara li għadd ta’ studjużi tal-Omeliji ta’ S. Wistin dehrilhom li Wistin ipprietkahom iktarx f’xi sena wara l-420, illum kollha jaqblu li mhux hekk, għax, skont uħud minnhom, jidher ċar li hu għamilhom fis-sena 407. Hija sensiela ta’ Omeliji ta’ siwi kbir l-għaliex mis-suġġetti li kellem lis-semmiegħa tiegħu dwarhom, jidher bħallikieku huwa kien qiegħed jisħaq fuq kemm kien meħtieġ li huma jifhmu tajjeb minn xhiex għaddew meta tgħammdu ftit tal-ġranet qabel. Għaldaqstant, imbagħad, qamet il-mistoqsija ewlenija: jekk kemm-il darba dawn l-Omeliji jistgħux jitqiesu bħala għamla ta’ prietki fuq is-sagrament tal-Għid, għamla ta’ katekeżi mistagoġika, bħal dik li kienu jagħmlu, ngħidu aħna, Ambroġ ta’ Milan, jew il-qaddis patrijarka ta’ Ġerusalemm, Ċirillu. Il-prietki ta’ dawn fuq is-suġġett, kienu jkunu f’għamla ta’ tifsira, pass pass, ta’ kull waqt tal-għotja ta’ dan is-sagrament.

Minkejja li anki f’dawn li għamel Wistin jinstemgħu għadd ta’ drabi klimijiet bħal, ħajja ġdida, dawl, dlik, ilma, u ismijiet ta’ xi elementi oħrajn marbuta mas-sagrament tal-magħmudija, iżda xorta waħda ma jidhirx li għamel xi katekeżi fit-tul dwarhom. Tant hu hekk, li minn kif fisser fehemtu Wistin, jinħass li kien qiegħed iktarx ikellem semmiegħa li kienu ilhom li ħaddnu t-Twemmin, u li kienu hemm bħal qishom spettaturi, u mhux fost dawk li kienu qed jirċievu l-magħmudija. Tant li mill-Omelija 7 ᾽l quddiem, Wistin ma jsemmi qatt iktar is-Sagrament tal-Magħmudija.

Barra minn hekk, dawn l-Omeliji ma jsemmu qatt lil Kristu Rxoxt, jew xi ħjiel ta’ dak kollu li seħħ fil-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet. Dawn l-Omeliji huma għaldaqstant prietki ta’ Wistin fuq ktieb partikulari minn dawk tal-Patt il-Ġdid, f’dan il-każ l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann Appostlu, u li bla ebda mod ma huma marbuta maż-żmien liturġiku li fih għamilhom Wistin. Tant li fil-bidu, fil-Prologu, li matulu fisser l-għan ta’ kitbietu, kiteb hekk: Ġwanni qal bosta ħwejjeġ, u tista’ tgħid li kulma qal kien kollu marbut mal-imħabba.

L-imħabba tal-aħwa kien suġġett li dwaru Wistin kiteb, u tħadded, ta’ spiss, u, minn kif jinħass kliemu, kien hekk ħerqan sabiex jasal għas-suġġett tal-imħabba, li, ma’ tmiem l-ewwel Omelija, kien diġà, tista’ tgħid, fisser kwint mill-ittra kollha, sa, u lil hinn ukoll, minn fejn Ġwanni nnifsu semma, għall-ewwel darba, l-imħabba! Dan kien ukoll suġġett li kien jingasta sewwa ma’ dak kollu li kien qiegħed ikisser ras Wistin fiż-żmien li fih kien jipprietka, it-tilwim mad-Donatisti f’Ippona (fit-taqsima 16 tal-ktieb, P. Salvinu niseġ ġrajja mirquma ta’ dan il-muviment) hekk li tul l-Omeliji l-ħin kollu jtambar fuq il-fatt li x-xiżma Donatista huwa kien jaraha bħala ksur gravi tal-imħabba.

Nitlob lill-qarrejja ta’ dan il-ktieb sabiex ma jgħaġġlux fil-qari tiegħu. Jistgħu tajjeb jeħduh bħala ktieb għall-meditazzjoni, jew għal ftit tal-ħin ta’ qari spiritwali. Biżżejjed ngħarrafhom li hu fl-Omelija 7, (p. 161) fejn Wistin tħadded, u fisser il-kliem: ħobb, u li trid għamel (dilige et quod uis fac), kliem li tant ħasad lis-semmiegħa, u qarrejja ta’ kitbet Wistin, u li tant qala’ għajdut mal-Afrika ta’ Fuq kollha! Kien wieħed mill-istili ta’ Wistin sabiex jaħsad lis-semmiegħa, jew lill-qarrejja tiegħu, billi jinqeda b’tixbihat mill-iktar qawwija.

Wieħed mill-korsijiet tas-sena akkademika 2021-2022 (mill-Ġimgħa l-1 t’Ottubru 2021 – sal-10 ta’ Diċembru 2021; u t-tieni semestru mill-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar 2022, sal-Ġimgħa 11 t’April 2022 (Jum il-Gradwazzjoni) tal-Istitut Agostinjan, jekk Alla jrid, sejjer ikun tifsira ta’ dawn l-Omeliji, u l-ktieb jingħata mal-applikazzjoni għall-attendenza għall-korsijiet sena akkademika. L-applikazzjonijiet jinfetħu fil-bidu ta’ Mejju 2021. Għal kull tagħrif ieħor dwar ix-xiri tal-volum, u dwar l-Istitut Agostinjan, ċemplu lil P. Salvinu Caruana OSA, Kunvent S. Wistin, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta, fuq: 7929 4177 – 21249407, jew email This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

Santu Wistin ta’ Ippona. Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. 10 Omeliji ta’ S. Wistin fuq l-I-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann lill-Parti (Malta: Provinċja Agostinjana, 2020) (284p.) (ISBN 978-99957-1-881-7) Prezz: €15.

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.