P. Luis Marín De San Martín OSA, innominat sottosegretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Il-Papa Franġisku għadu kif innomina lil ħuna P. Luis Marín De San Martín OSA bħala sottosegretarju tas-Sinodu tal-isqfijiet u isqof titulari ta’ Suliana. Sa issa, P. Luis Marín iservi bħala wieħed mill-Assitenti tal-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan responsabbli mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Malta, Italja u Spanja.

L-isqof elett, P. Luis Marín, twieled f’Madrid Spanja fil-21 ta’ Awissu 1961. Huwa għamel l-ewwel professjoni fl-Ordni ta’ Santu Wistin fil-5 ta’ Settembru 1982 u l-Professjoni Solenni fl-1 ta’ Novembru 1985. Huwa kien imbagħad ordnat saċerdot fl-4 ta’ Ġunju 1988. Wara l-istudji tiegħu, kiseb imbagħad Dottorat fit-Teoloġija mill-Universita Pontificja Comillas ta’ Madrid. Tul is-snin, huwa serva bħala: responsabbli mill-formazzjoni f’Los Negrales

(1996-1999); Kunsillier Provinċjali (1999-2002); Pirjol tal-Monasteru ta’ Santa María de La Vid (2002-2008); u professur tat-Teoloġija fiċ-ċentri Agostinjani ta’ Los Negrales, San Lorenzo de El Escorial, u Valladolid. Mill-2004 huwa kien mistieden diversi drabi bħala lettur fil-Fakulta tat-teoloġija  tat-Tramuntana ta’ Spanja f’Burgos. Huwa jservi wkoll bħala Arkivista Ġenerali tal-Ordni, Assitent tal-Pirjol Ġenerali, u President tal-Istitut tal-Ispiritwalita tal-Ordni.

Flimkien ma’ P. Luis Marín De San Martín OSA, il-Papa llum innomina wkoll lil Sr Nathalie Becquart Xaviere, franċiża, it-tnejn sottosegretarji tas-Sinodu tal-Isqfijiet li ser ikunu qed jaħdmu mill-qrib mal-Emm. T. Mons Mario Grech fir-responsabilita tiegħu bħala Segretarju tal-istess Sinodu.

Il-Pirjol Provinċjali flimkien mal-aħwa kollha tal-Provinċja ta’ Malta jwasslu r-radd ta’ ħajr tagħhom lil P. Luis Marín De San Martín għall-appoġġ kontinwu tiegħu, waqt li jawgurawlu kull suċċess fil-ħidma ġdida tiegħu għas-servizz tal-Knisja Universali.  


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.