Ċelebrazzjoni tal-Ħamisijiet ta’ preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Rita

L-isem ta’ Santa Rita jqanqal tant devozzjoni f’tant persuni li jirrikorru lejn l-interċessjoni tal-Qaddisa tal-Impossibbli biex tidħol għalihom quddiem Alla. Il-Jum tal-Ħamis huwa jum li fih tant devoti tagħha jirrikorru lejha b’mod partikolari fil-Knejjes kollha Agostinjani, u aktar u aktar bħalissa meta jiġu ċċelebrati l-Ħamisjiet ta’ devozzjoni bi preparazzjoni għall-festa tagħha.

Santa Rita kienet reliġjuża Agostinjana li għexet fiċ-ċentru tal-Italja aktar minn 600 sena ilu imma diversi aspetti tal-ħajja tagħha, partikolarment it-tbatija li ġarrbet b’tant fidi, jagħmluha qaddisa tant popolari fid-dinja kattolika. Id-devozzjoni tal-15-il Ħamis tintrabat mal-fatt li Santa Rita ġarret ix-xewka ta’ Kristu fi xbinha għal ħmistax il-sena, wara li talbet lil Kristu biex taqsam miegħu it-tbatijiet li sofra għalina. F’dan il-kuntest tradizjonalment, tant nies iduru għall-interċessjoni ta’ Santa Rita bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u jitolbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem il-Mulej.

Ir-reliġjużi Agostinjani, tista tgħid madwar id-dinja kollha, xerrdu tul is-snin id-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Tul il-Ħamisijiet li jwasslu għall-festa ta’ Santa Rita, fil-knejjes kollha Agostinjani madwar Malta isiru ħsibijiet u talb speċjali bl-interċessjoni tagħa.

Il-Festa tagħha tkun iċċelebrata fit-22 ta’ Mejju prinċiparjament fil-Knejjes Agostinjani tal-Belt Valletta u tal-Belt Victoria, f’Għawdex. Il-Festa tkun iċċelebrata wkoll fil-knejjes l-oħra kollha Agostinjani. L-aħwa Agostinjani jħeġġuna biex induru lejn il-qaddisa u nitolbuha takkumpanjana fil-mixja tagħna lejn Alla li qatt ma jħallina weħidna, partikolarment fil-mumenti tqal tal-ħajja.


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.