Nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, il-Komunità Agostinjana f’Ħal Tarxien organizzat ċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr lil Alla f’għeluq il-50 sena mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja deddikata lil San Nikola ta’ Tolentino, li ġrat propju fl-10 ta’ Mejju 1975.
Il-quddiesa preseduta mill-Provinċjal bdiet bl-inċensar tat-tnax il-salib li dak inhar tal-konsagrazzjoni kienu ġew midluka biż-żejt mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Aktar milli l-knisja tal-ġebel, il-komunità Agostinjana raddet ħajr lill-Mulej għal dawk ir-reliġjużi u l-lajċi li tul is-snin kienu parti mill-istorja ta’ din il-komunità ta’ fidi u dawk li llum jinġabru f’dan it-tempju biex jiċċelebraw il-fidi tagħhom. Wara l-quddiesa kien hemm anke mument soċjali għal dawk kollha preżenti.
Wara li s-saċerdot ħabrieki Dun Ġwann Mamo kien ħalla l-propjetà tiegħu f’Ħal Tarxien lill-Patrijiet Agostinjani, l-ewwel komunità Agostinjana bdiet isservi f’kappella ddedikata lil San Nikola minn Tolentino. Fuq l-istess sit kien inbena kunvent għall-patrijiet, u spazji oħra li bdew iservu bħala skola. Sadanittant kien infetaħ ukoll Oratorju għaż-żgħażagħ tal-madwar.
Fis-snin sittin kien inħass il-bżonn li tinbena knisja ġdida u fit-23 ta’ April 1967 saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla mill-Provinċjal Patri Ugolin Gatt O.S.A. Fit-18 ta’ April 1970, sar imbagħad l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-binja l-ġdida mill-Assistent Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Rikkardo Quacquarelli O.S.A.
Ftit snin wara, jiġifieri eżattament 50 sena ilu, il-Knisja imbagħad ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi fl-10 ta’ Mejju 1975. Il-knisja reġgħet ġiet irrinovata fl-2005, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju ta’ San Nikola ta’ Tolentino.

