Il-Provinċja Agostinjana Maltija qiegħda trodd ħajr lil Alla f’għeluq il-50 sena mill-inawgurazzjoni u t-tberik tal-Knisja deddikata lil San Nikola ta’ Tolentino, f’Ħal-Tarxien li ġrat nhar it-18 ta’ April 1970. Huwa b’dispjaċir li niċċelebraw ħamsin sena ta’ tant servizz u ċelebrazzjonijiet, f’ċirkustanzi fejn l-attività f’din il-Knisja, bħal f’tant Knejjes oħra kellha titwaqqaf minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja. Żgur imma li huwa mument li jpoġġi quddiemna l-memorja ta’ tant reliġjużi u lajċi li servew u ċċelebraw il-fidi tagħhom f’dan il-maqdes, waqt li jimlina bl-entużjażmu biex inkomplu nħarsu ‘l quddiem lejn il-mument li fih nerġgħu inkomplu bl-attivita’ pubblika tagħna.
Fil-bidu tas-seklu 20, fis-sit tal-Knisja u l-Kunvent tal-patrijiet Agostinjani, il-qassis ħabrieki Dun Ġwann Mamo kien beda proġett ta’ ħidma maż-żgħażagħ b’kappella ċkejkna u spazji fejn seta’ jsir it-tagħlim tas-snajja. Ftit ġranet qabel ma miet, L-istess Dun Ġwann wera x-xewqa li l-ispazji jgħaddu għand il-Patrijiet Agostinjani bix-xewqa li jkomplu l-missjoni tagħhom fl-inħawi. Fiż-żmien ta’ wara l-gwerra l-ewwel komunita’ Agostinjana bdiet il-ħidma tagħha fil-post billi sservi f’kappella ddedikata lil San Nikola minn Talentino, kunvent għall-patrijiet, u spazji oħra li bdew iservu bħala skola. Sadanitant kien infetaħ anke Oratorju għaż-żgħażagħ tal-madwar. Il-parti tal-bini li għal xi snin laqgħet fiha l-Kulleġġ Santu Wistin, tul is-snin serviet anke bħala youth hostel sakemm fl-1983 il-Patrijiet Agostinjani għaddewha għall-użu tas-Sorijiet Ursolini ta’ Sant’ Angela Merici biex tintuża bħala dar tat-tfal kif għadha tintuża sa llum.
Sadanitant fis-snin sittin kien inħass il-bżonn li tinbena knisja ġdida u fit-23 ta’ April 1967 saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla mill-Provinċjal Patri Ugolin Gatt O.S.A. Fit-18 ta’ April 1970, sar imbagħad l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-binja l-ġdida mill-Asssietnt Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Rikkardo Quacquarelli O.S.A. Ftit snin wara, il-Knisja imbagħad ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi fl-10 ta’ Mejju 1975. Il-knisja reġgħet ġiet irrinovata fl-2005, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju ta’ San Nikola ta’ Tolentino. Tul is-snin numru kbir ta’ reliġjużi Agostinjani servew f’din iż-żona f’Ħal Tarxien u għadhom jaħdmu bil-kollaborazzjoni ta’ komunita sabiħa ta’ lajċi impenjati f’diversi inizjattivi pastorali mhux biss fil-Knisja, imma anke fis-sala, fl-Oratorju u fiċ-ċentru tal-katekiżmu.