Il-preżenza tar-Reliġjużi Agostinjani f’Malta tmur lura aktar minn sitt mitt sena. Għal ħafna snin il-patrijiet għexu u ħadmu fil-kunventi tar-Rabat ta’ Malta, tal-Belt Valletta u tal-Belt Victoria f’Għawdex fejn stabbilixxew tliet komunitajiet. Sadanittant bħal fil-każ tar-reliġjużi l-oħra f’Malta, kienu jagħmlu parti minn provinċji oħrajn u fil-każ tal-aħwa Agostinjani kienu jagħmlu parti mill-Provinċja ta’ Sqallija.
Lejn it-tieni nofs tas-seklu tmintax kien hemm diversi tentattivi biex ir-reliġjużi Agostinjani f’Malta ma jibqgħux jiddependu minn Sqallija. Fl-1801 il-Kummissarju Ingliż bagħat avviż lill-isqof lokali u lill-Ordnijiet Reliġjużi li kien jgħid li l-Kuruna Ingliża ma tirrikonoxxix superjuri barranin. Dan reġa’ qajjem l-interess biex il-Patrijiet f’Malta jkollhom tmexxija awtonoma anke għaliex kien hemm il-biża’ li f’dan il-kuntest l-osservanza reliġjuża titpoġġa f’riskju. Ftit tas-snin wara fil-fatt saret talba lill-Papa Piju VII biex jaċċetta li t-tliet kunventi Maltin isiru Provinċja awtonoma.
Kien propju b’digriet tal-14 ta’ Settembru 1817, li Fra Septimus Rotelli, Vigarju Ġenerali tal-Ordni, waqqaf il-Provinċja Agostinjana Maltija bit-titlu ta’ Provinċja ta’ San Mark.
Tul is-snin, il-ħidma tal-aħwa Maltin ma qatgħet xejn, kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna fl-artijiet tal-missjoni. Illum l-Agostinjani Maltin għandhom sitt Komunitajiet Reliġjużi: dik ta’ San Mark ir-Rabat Malta; ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria (Għawdex); tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta: tal-Madonna tal-Bon Kunsill f’Paceville, ta’ San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien u tal-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pietà. Barra l-knejjes konventwali, l-aħwa jservu wkoll il-komunità ta’ Santa Rita f’San Ġiljan, Il-komunità tal-Baħrija (limiti tar-Rabat), il-Kappella ta’ Sant Anton Abbati fil-Ġonna tal-Palazz Verdala fil-Buskett, u l-Kappella tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplattiva fil-Belt Valletta.
Għal aktar minn mija u sebgħin sena r-reliġjużi kienu impenjati fil-kamp edukattiv permezz tal-Kulleġġ Santu Wistin, illum b’żewġ Campuses fil-Marsa u f’Tal-Pietà. Ta’ min isemmi wkoll il-ħidma sabiħa li ssir fil-Millennium Chapel, fil-kamp tal-Pastorali tal-Kultura, fl-Istitut Agostinjan, fis-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani, fil-formazzjoni tal-lajċi u fl-akkumpanjament taż-żgħażagħ. Barra minn hekk tliet reliġjużi jaħdmu anke barra minn Malta; f’Kuba, f’Palermo u fis-servizz tal-Ordni f’Ruma.
Il-Familja Agostinjana flimkien mal-lajċi kollha li b’mod jew ieħor huma qrib tal-ħidma tagħha, trodd ħajr lill-Mulej għal dan kollu!