Proġett ta’ tisbieħ tal-Kappella tal-Adorazzjoni fil-Kunvent ta’ Għawdex

Nhar il-Ħadd 21 ta’ Mejju, lejlet il-festa ta’ Santa Rita, il-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. bierek u inawgura x-xogħol li sar fuq il-kappella tal-adorazzjoni fil-wesgħa ta’ maġenb il-Knisja u l-Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex. Fl-istess ċelebrazzjoni Ġesù sagramentat twassal proċessjonalment fl-istess kappella fejn tqiegħed għall-adorazzjoni tagħna.

Il-proġett tmexxa minn Dun Roberto Gauci taċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon flimkien mal-aħwa tal-kunvent ta’ Għawdex li akkumpanjaw il-ħidma fuq l-istess kappella karatterizzata minn mużajk ċentrali u żewġ ikoni, waħda fuq kull naħa. Il-ħsieb ċentrali tal-kappella jinġabar fil-mużajk li juri d-dehra tal-ktieb tal-Apokalissi fejn il-qaddisin jaduraw il-Ħaruf maqtul u glorjuż - xbieha ta' Ġesù Kristu li ħa fuqu l-mewt, irxoxta, u daħal glorjuż fis-saltna tal-Missier.

Fl-istess ħin, dak li huwa rappreżentat bħala t-tron tal-Ħaruf, jinfetaħ u jsir it-tabernaklu għall-adorazzjoni tal-Ewkaristija, għax dak li issa aħna naduraw preżenti fl-ispeċi sagramentali, huwa l-istess wieħed li l-qaddisin jikkontemplaw fis-sema. L-Ewkaristija ddewwaqna minn issa fuq din l-art dak li aħna għad inkunu fis-Saltna ta' Alla fis-sema. Flimkien ma’ Marija u San Ġwann Battista, madwar il-Ħaruf, hemm numru ta’ qaddisin Agostinjani flimkien ma’ Santu Wistin, Santa Monika u San Mark Evanġelista li huwa padrun tal-Provinċja Agostinjana Maltija.

Fuq kull naħa tal-Kappella hemm ukoll żewġ ikoni marbuta mal-ewkaristija: ix-xena ta’ Emmaus u x-xena tal-ħasil tar-riġlejn fl-aħħar ċena. Ix-xogħol fuq il-mużajk u l-ikoni sar kollu minn Dun Roberto Gauci waqt li x-xogħol fl-injam sar mis-sur George Attard u kien segwit mis-Sur Joseph Borg.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni, il-Provinċjal enfasizza li dan l-ispazju mill-isbaħ joffri minnu nnifsu stedina partikolarment għal dawk li jgħixu qrib il-kunvent u li huma midħla tal-Komunità Agostinjana biex imorru jgħaddu ftit ħin ta’ adorazzjoni u talb quddiem Ġesù Ewkaristija. Il-Kappella tkun miftuħa kuljum matul il-ġurnata kollha. Il-ħsieb huwa li ‘l quddiem l-istess kappella tilqa’ fiha ukoll il-fdalijiet tal-qaddej t’Alla Fra Grazzja Gauci O.S.A.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.