Ċelebrazzjoni tal-festa devota ta’ Santa Rita

Ix-xahar ta’ Mejju, għalina l-Agostinjani u għal tant devoti madwar id-dinja huwa marbut mal-figura tar-reliġjuża Agostinjana, Santa Rita ta’ Cascia. Santa Rita għexet fl-Umbria fl-Italja, aktar minn 600 sena ilu, imma l-esperjenzi differenti li l-ħajja laqqagħta magħhom, għamluha figura li tant tappella anke għaż-żminijiet tagħna. F’kull stat tal-ħajja li għexet, bħala, xebba, bħala mara miżżewġa, bħala omm, bħala armla u bħala soru Agostinjana, għexet b’mod erojku il-virtujiet insara partikolarment l-imħabba, il-maħfra, il-fidi u d-disponibilita totali għar-rieda t’Alla.  

Fis-seklu 20, id-devozzjoni lejn din il-qaddisa xterdet mhux biss mal-italja imma f’tant bliet madwar id-dinja. Ir-reliġjużi Agostinjani tul is-snin xerrdu d-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Ħafna devoti jżommu l-jum tal-ħamis bħala l-jum biex jirrikorru għall-interċessjoni tagħha bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u jitolbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem Alla.

Il-festa ta’ Santa Rita tiġi ċċelebrata f’dawn il-jiem fil-knejjes Agostinjani kollha u anke f’diversi knejjes oħrajn. Fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta u fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex tiġi ċċelebrata propju fil-ġurnata liturġika tagħha jiġifieri fit-22 ta’ Mejju. Barra diversi ċelebrazzjonijiet matul il-jum, fil-Belt Valletta joħroġ pellegrinaġġ devozzjonali fis-5.45pm u wara l-pellegrinaġġ issir il-quddiesa fis-7.15pm. Il-Pellegrinaġġ devozzjonali fir-Rabat Għawdex joħroġ għall-ħabta tas-7.15pm wara l-quddiesa tas-6.30pm.

Sadanittant, fuq talba ġenerali, il-Provinċja Agostinjana Maltija reġgħet stampat il-ktieb "Santa Rita minn Cascia" ta' P. Peter Paul Cachia. Fih issib il-ħajja ta' Santa Rita skont sejbiet ġodda storiċi, kif ukoll diversi talb lil Santa Rita, fosthom it-talb għall-ħmistax-il Ħamis, il-Kurunella u l-Litanija ta' Santa Rita. Dan il-ktieb, ta' iktar minn 160 paġna hu imżewwaq b'ritratti tal-kulur. Akkwista l-kopja tiegħek mill-knejjes Agostinjani, kif ukoll minn The Santa Rita Priory, San Ġiljan; prezz €10 Mob. (79515371) u email (This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.) għal aktar informazzjoni.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.