Inizjattivi ta’ ħidma vokazzjonali matul ix-xahar ta’ Novembru

Fit-13 ta’ Novembru, normalment l-Ordni Agostinjan jiċċelebra l-Festa tal-qaddisin kollha tal-Familja Agostinjana u Jum it-twelid ta’ Santu Wistin. F’dan l-isfond, jiġi ċċelebrat anke Jum il-Vokazzjonijiet. Għalkemm din is-sena ħabat il-Ħadd u għaldaqstant iċ-ċelebrazzjoni liturġika ntilfet, matul ix-xahar ta’ Novembru ġew organizzati diversi inizjattivi relatati mal-pastorali vokazzjonali.

It-Tnejn, 14 ta’ Novembru il-Kummissjoni Lajċi tal-Provinċja Agostinjana organizzat mument ta’ talb għall-Vokazzjonijiet fil-Kunvent Santa Rita San Ġiljan. F’dan il-mument, Fr Terence Spiteri qasam ma’ dawk preżenti l-esperjenza tad-diversi inizjattivi li jsiru b’dan l-iskop, flimkien ma’ riflessjoni sabiħa fuq il-kelma t’Alla li akkumpanjat lil dawk preżenti fit-talb tagħhom għal aktar vokazzjonijiet Agostinjani. Għall-attività kien hemm parteċipazzjoni sabiħa ta’ lajċi minn diversi realtajiet tagħna l-agostinjani.

Id-delegat Provinċjali għall-ħidma maż-żgħażagħ u d-dixxerniment vokazzjonali flimkien mal-Kummissjoni Provinċjali organizza anke diversi inizjattivi fosthom live-in għal grupp ta’ żgħażagħ li s-sena l-oħra temmew l-edukazzjoni tagħhom fil-Kulleġġ Santu Wistin. Il-Live-in sar fil-Kunvent ta’ San Tumas minn Villanova f’Tal-Pietà. Sadanittant fil-Youth Space li jinsab fil-basement tal-istess kunvent qed tiġi organizzata inizjattiva ta’ Prayer Spaces miftuħa għall-gruppi ta’ Adoloxxenti u żgħażagħ li jixtiequ jiġu u jgħixu din l-esperjenza ta’ riflessjoni personali u mixja ta’ fidi.

Matul il-ġimgħat li għaddew  ic-chaplaincy team tal-Kulleġġ Santu Wistin organizza ukoll żjarat ta’ nofs ta’ nhar għall-istudenti kollha tas-settur sekondarju fil-Kunvent tagħna tal-Belt. Fil-mawra tagħhom fil-belt, l-istudenti kienu milqugħa minn diversi patrijiet li qasmu magħhom mumenti u esperjenzi differenti.

Dawn huma biss ftit mill-inizjattivi organizzati bil-ħsieb li jippromwovu kultura li tapprezza s-sejħa għall-ħajja reliġjuża u tħeġġeġ liż-żgħażagħ jirriflettu dwar il-futur tagħhom. Jekk inti interessat li tkun taf aktar dwar il-ħajja Reliġjuża Agostinjana jew għandek bżonn xi appoġġ biex tagħraf aħjar il-futur tiegħek, aħna nistgħu ngħinuk.

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.