L-Istatwa ta’ Santu Wistin lura fil-Knisja Parrokkjali

Permezz ta’ kunċert ta’ mużika sagra b’kompożizzjonijiet mill-arkivju tal-Kunvent, nhar it-Tlieta 23 t'Awwissu 2022, il-Komunità Agostinjana, flimkien mal-Komunità Parrokkjali laqgħu lura fil-Knisja l-istatwa Titulari ta’ Santu Wistin issa miżbuha u indurata. Matul din l-aħħar sena filfatt l-istatwa ttieħdet biex tinżebah u ssir l-induratura meħtieġa. Għal dan ix-xogħol tqabbad is-Sur Horace Farrugia tal-Imdina li huwa artist ta’ esperjenza kbira f’dan il-qasam. Huwa ħadem b’reqqa kbira l-ewwel fuq il-kisi bil-ġibs u l-iżgraffjar skond il-panneġġjar u l-ilbies tal-figura sabiħa ta’ Santu Wistin. Imbagħad saret l-induratura bid-deheb u ż-żebgħa skond disinji maħluqa mill-istess Horace Farrugia. Ix-xogħol tal-karnaġġjon sar mill-artisti oriġinali tal-istatwa stess, Aaron u missieru Alfred Camilleri Cauchi.

Aaron u Alfred Camilleri Cauchi filfatt kienu ħadmu l-istatwa fl-injam madwar ħames snin ilu u kienet tbierket fis-sena 2017. L-istatwa tirraffigura lil Santu Wistin liebes l-ilbies episkopali bil-qalb taqbad f’idejh. Il-qalb taqbad hija simbolu tal-imħabba lejn Alla u l-Kelma tiegħU li misset il-qalb tal-istess Wistin. Fin-naħa t’isfel tal-istatwa filfatt hemm anke anġlu bi ktieb f’idejh bil-frażi tal-istess Santu Wistin: Vulnerasti Cor Meum Verbo Tuo, li bil-Malti tfisser, Bil-Kelma tiegħek infidtli qalbi Mulej.

Il-proġett riċenti tal-induratura u ż-żebgħa, sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Arti. Ħajr anke lil dawk kollha li b’mod jew ieħor kienu ta’ għajnuna għall-komunità Agostinjana f’din il-mixja, partikolarment il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina u l-Għaqda Festa Santu Wistin. L-Istatwa ser tinħareġ proċessjonalment il-Ħadd, 18 ta’ Settembru fil-Festa Titulari tal-istess Parroċċa. (Ritratti Ian Noel Pace)


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.