Ċelebrazzjoni tat-Tieni Parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 tal-Provinċja Agostinjana Maltija

Bejn it-18 u t-22 ta’ April, l-aħwa Agostinjani iltaqgħu f’The Santa Rita Priory għaċ-ċelebrazzjoni tat-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed tkun preseduta mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni, P. Alejandro Moral Anton O.S.A..

Din it-tieni parti fetħet biċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija preseduta mill-istess Pirjol Ġenerali b’sufraġju għall-aħwa mejtin tal-Provinċja, partikolarment dawk li ħallewna matul l-erba’ snin li għaddew, li kienu P. Feliċ Buttiġieġ, P. Joe Farrugia, P. Rikkardu Attard, Il-Kardinal Prospero Grech u P. Saver Mifsud. 

Fl-ewwel sessjoni imbagħad il-Pirjol Provinċjali ippreżenta Programm Viżjoni billi elenka tliet prijoritajiet għall-evalwazzjoni u d-diskussjoni tal-aħwa f’dan il-kapitlu u fl-erba’ snin li ġejjin: 1) Il-Komunjoni bħala impenn kontinwu għall-aħwa u xhieda tant meħtieġa għall-Knisja; 2) Il-Vokazzjoni bħala don imprezzabbli għal kull wieħed u proposta li għandha ssir lil dawk li qed ifittxu; u 3) Il-ħarsa indispensabbli lejn ir-Realtà tal-Provinċja llum bl-isfida ta’ valutazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-enerġiji li huwa meħtieġ li ssir mingħajr ma tmewwet is-sabiħ tal-opportunitajiet ta’ evanġelizazzjoni li l-Provinċja għandha.

Matul dawn il-jiem ikomplu d-diskussjonijiet fuq dawn il-prijoritajiet u proposti oħra li tressqu għax-xogħol fil-gruppi u d-diskussjoni tal-Assemblea. Il-Ġimgħa filgħodu imbagħad isiru l-votazzjonijiet tad-deċiżjonijiet li jiġu proposti.

Il-Kapitlu Provinjali Ordinarju jagħlaq bil-qari u l-approvazzjoni tal-Atti u ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li ser issir fil-Knisja Agostinjana tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville nhar il-Ġimgħa 22 ta’ April 2022 fis-6.45pm. Il-quddiesa tal-għeluq hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jingħaqdu mal-aħwa Agostinjani, partikolarment dawk li jikkollaboraw fil-ħidmiet diversi tagħhom. Wara l-quddiesa jkun hemm bibita żgħira fuq iz-zuntier tal-Kunvent. (Min hu interessat jista’ jipparkja bla ħlas fil-Merkanti Car Park tal-Westin Dragonara).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.