Mewt ta’ P. Salvino Caruana O.S.A.

Nhar it-Tnejn 22 ta’ Diċembru tħabbret il-mewt ta’ P. Salvino Caruana li ġrat fl-isptar Mater Dei fl-eta ta’ 75 sena. P. Salvino kien ilu rikoverat l-isptar diversi ġimgħat minħabba kumplikazzjonijiet ta’ saħħa. F’Ġunju li għadda flimkien ma’ P. Salvino ċċelebrajna 50 sena ta’ ministeru saċerdotali.

P. Salvino twieled Ħaż-Żabbar fit-28 ta’ Diċembru 1949. Sa minn età żgħira huwa beda l-formazzjoni tiegħu fil-familja Agostinjana u fl-1967 beda n-novizzjat fil-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex.  Sena wara, fis-16 ta’ Ottubru 1968, għamel l-ewwel professjoni tal-Voti Reliġjużi. Wara mixja ta’ formazzjoni, fl-10 ta’ Frar 1973 huwa għamel il-Professjoni Solenni fl-Ordni ta’ Santu Wistin u imbagħad irċieva l-Ordinazzjoni tad-Djakonat.  

Tul is-snin tal-ministeru tiegħu P. Salvino serva f’diversi kunventi u ħadem anke fil-Kulleġġ Santu Wistin fejn kien kemm għalliem u anke Rettur. Imma l-aktar ħidma li kkareatterizzat il-ministeru tiegħu hija l-impenn fil-kamp akkademiku u partikolarment fl-istudji patristiċi. Għal diversi snin huwa impenja ruħu fir-riċerka, fil-kitba u fit-tagħlim fl-Universita ta’ Malta, fl-istitut Agostinjan u anke f’entitajiet oħra.

Filfatt P. Salvino baqa jservi sal-aħħar bħala direttur tal-Istitut Agostinjan fi ħdan il-Provinċja Agostinjana Maltija. Tul dawn is-snin huwa ppubblika numru kbir ta’ kotba u ttraduċa diversi testi ta’ Santu Wistin għall-lingwa Maltija. Dan huwa filfatt qasam li fih se jħalli vojt kbir.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tirrakomanda lil ruħu fit-talb tagħkom.

Scroll to Top