P. Leslie Gatt OSA maħtur mill-ġdid Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana Maltija

Wara proċess intern, P. Leslie Gatt reġa’ ġie elett Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana Maltija. Fl-aħħar ġimgħat, il-patrijiet Agostinjani Maltin ivvutaw biex jagħżlu Pirjol Provinċjali għat-terminu ta’ erba’ snin li ġejjin. P. Leslie Gatt ilu jservi f’din il-kariga minn April tal-2018. L-Agostinjani ilhom f’Malta għal aktar minn 600 sena, iżda dan se jkun it-68 mandat provinċjali mit-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana Maltija fl-1817.

P. Leslie se jġedded il-mandat tiegħu bħala Pirjol Provinċjali fil-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li jmiss, li se jiftaħ uffiċjalment fis-17 ta’ Marzu, 2025. Dan huwa proċess li l-Provinċja tagħmel kull erba’ snin fejn tevalwa r-realtajiet u l-isfidi tagħha, u ġġedded l-impenn tagħha fil-Knisja u fis-soċjetà Maltija għas-snin li ġejjin.

P. Leslie twieled fl-1978 u tgħammed fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Wara diversi snin ta’ dixxerniment, fis-sena 2000 huwa beda n-Novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin fl-Italja, u sena wara għamel l-ewwel professjoni tal-voti reliġjużi tiegħu. Fl-2005 huwa ġie ordnat saċerdot fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-E.T. Mons. Joseph Mercieca, dak iż-żmien Arċisqof ta’ Malta. Huwa studja l-ilsien Malti, il-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, u aktar tard kompla l-istudji ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu fil-pastorali maż-żgħażagħ u l-katekezi fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma.

Lura Malta, P. Leslie serva fil-Komunità tar-Rabat, fil-formazzjoni u l-ħidma maż-żgħażagħ, u fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pietà u l-Marsa. Bejn l-2014 u l-2018, serva bħala rettur tal-istess Kulleġġ u fl-2018 ġie elett Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana Maltija. Matul l-ewwel mandat tiegħu bejn l-2018 u l-2022 kien jagħmel parti mill-Komunità Agostinjana ta’ Ħal Tarxien, filwaqt li mill-bidu tat-tieni mandat tiegħu beda jagħmel parti mill-Komunità tal-Belt Valletta.

Nitolbu lill-Mulej ibierek lil P. Leslie f’din il-missjoni li l-Provinċja qed terġa’ tafda f’idejh. Nitolbu fuq kollox għall-Provinċja Agostinjana Maltija f’dan il-mument ta’ tiġdid tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li se jiġi ċċelebrat f’Marzu u April tal-2026.

Scroll to Top