Nhar il-Ħamis 4 ta’ Diċembru tfakkar l-Isqof Agostinjan Mons Giovanni Maria Camilleri f’għeluq il-100 sena minn mewtu. L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ippresieda quddiesa fil-Katidral ta’ Għawdex flimkien mar-reliġjużi Agostinjani u diversi saċerdoti oħra.
L-Isqof Giovanni Maria serva d-Djoċesi ta’ Għawdex għal 35 sena, bejn l-1889 u l-1924.
Huwa waqqaf tliet parroċċi, li huma San Lawrenz, Il-Fontana u l-Għasri u kkonsagra diversi knejjes, wara ħafna ħidma u taħbit qiegħed l-ewwel ġebla tas-Santwarju Ta’ Pinu, ħabb u stinka ħafna għas-Seminarju, sejjaħ l-Ewwel Sinodu Djoċesan fl-1903 u għamel visti Pastorali fid-Djoċesi b’mod regolari.