L-aħwa Agostinjani Maltin miġbura waqt il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022, filwaqt li juru solidarjetà mal-poplu Ukren li f’dawn il-ġranet qed jiġi mġarrab b’attakki ħorox kontra l-ħajja u l-libertà tiegħu, jesprimu l-kundanna tagħhom għal kull forma ta’ gwerra u theddida kontra l-libertà u l-ħajja ta’ kull persuna, speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Santu Wistin Missierna, jafferma li “il-paċi hija ġid tal-qalb li jinqasam mal-ħbieb, imma mhux bħalma wieħed jaqsam il-ħobż. Jekk trid tqassam il-ħobż, aktar ma hu kbir l-għadd ta’ dawk li magħhom taqsam, inqas jifdallek xi tqassam. Il-paċi, mill-banda l-oħra hija bħal-ħobż tal-miraklu li kompla jitkattar f’idejn id-dixxipli waqt li kienu jaqsmu u jqassmuh.” (Priedka 357, 2)
F’dan id-dawl, nixtiequ nuru l-appoġġ konkret tagħna l-ewwel u qabel kollox permezz tat-talb ħerqan lil Alla sabiex juri l-ħniena tiegħu bid-don tal-paċi lil poplu Ukren. L-istess Santu Wistin iħeġġeġ lil “dawk li jħobbu l-paċi u jixtiequ jipposseduha” biex “jagħmlu minn kollox sabiex joktru dawk li jipposseduha.” (Priedka. 357, 3) Għaldaqstant nixtiequ anke nesprimu l-għajnuna konkreta u solidali tagħna b’donazzjoni lill-inizjattiva ta’ akkoljenza lir-refuġjati Ukreni ta’ ħutna l-Agostinjani fil-Polonja u l-proġetti ta’ għajnuna bl-istess għan tal-Caritas Malta .
Maħruġa mis-Segreterija tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022
The Santa Rita Priory, San Ġiljan
16 ta’ Marzu 2022