P. Ġulju Bonniċi O.S.A. – L-aktar saċerdot anzjan f’Malta jagħlaq 100 sena

Nhar it-Tnejn 10 ta’ Novembru 2025, P. Ġulju Bonnici, Agostinjan, iċċelebra l-età sabiħa ta’ 100 sena. P. Ġulju Bonnici fil fatt huwa l-aktar saċerdot anzjan f’Malta. Ilu reliġjuż Agostinjan għal aktar minn 83 sena u saċerdot għal aktar minn 75 sena.

Iċ-ċelebrazzjoni laħqet il-qofol tagħha permezz ta’ quddiesa preseduta mill-E.T. Mons Joseph Galea Curmi fil-kappella tad-dar tal-Kleru fejn P. Ġulju issa ilu rikoverat għal dawn l-aħħar erba’ snin. Għall-quddiesa kienu preżenti anke diversi reliġjużi Agostinjani, neputijiet, saċerdoti, u l-komunità’ tas-Sorijiet Qaddejja taċ-Ċenaklu li jieħdu ħsieb id-Dar flimkien mal-amministrazzjoni tad-Dar. Iċ-ċelebrazzjoni kienet animata mis-Sorijiet Agostinjani Qaddejja ta’ Ġesu u Marija. Wara l-quddiesa kien hemm festin tal-okkażjoni. Il-Jum kollu kien jum sabiħ għal P. Ġulju li feraħ b’dawk kollha li żaruh u ferħu miegħu.

P. Ġulju Bonniċi Twieled il-Belt Valletta minn Karmenu u Manwela mwielda Gatt fl-10 ta’ Novembru 1925. Fit-23 ta’ Novembru 1941 beda n-novizzjat fil-Familja Agostinjana fil-Komunità tal-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria Għawdex u sena wara, fit-23 ta’ Diċembru 1942 għamel l-ewwel Professjoni tal-Voti tal-Faqar, Kastità u Ubbidjenza. Fis-17 ta’ Novembru 1946 għamel imbagħad il-Professjoni Solenni. Fil-25 ta’ Marzu 1950 kien  Ordnat Saċerdot fil-Kon-kattidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali l-ewwel ħidma tiegħu kienet fil-Komunità tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville fejn serva mill-2050 sal-2052. Wara għex u serva fil-Komunità tal-Kunvent ta’ Santa Rita f’San Ġiljan sal-1955 sakemm intbagħat fil-Kunvent ta’ Ħal Tarxien fejn fost affarijiet oħra kien l-ewwel direttur tal-Oratorju.

Sadanittant P. Ġulju kien diġa għalliem fil-Kulleġġ Santu Wistin u issa f’Ħal-Tarxien kompla jagħti s-sehem tiegħu fl-istess Kulleġġ. Fl-1961 P. Ġulju tela’ l-istati Uniti fejn kiseb M.A. fil-Matematika mill-Universita ta’ Villanova, f’Pensylvania. Sakemm kien fl-Istati uniti serva bħala Saċerdot u għalliem f’Richmond fi New Jersey. Lura Malta kien rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin, propju fis-snin meta l-Kulleġġ ġie trasferit minn Ħal Tarxien għall-ispazji l-ġodda f’Tal-Pieta.

Fl-1970 intbagħat fil-Kunvent tal-Belt Valletta u baqa hemmhekk prattikament għall-bqija tal-ħajja tiegħu. Hemmhekk l-akbar ħidma tiegħu kienet bħala Prokuratur tal-beni mmobbli tal-Provinċja Agostinjana Maltija. Din kienet ħidma ferm importanti speċjalment fis-snin tmenin u l-bidu tad-disgħinijiet meta sar il-ftehim li bih l-artijiet tal-Knisja għaddew għand l-istat. Sadanitant baqa jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.

Meta kiber sew fl-età u saħħtu marret xi ftit lura, ġie deċiż li jiġi rikoverat fid-dar tal-Kleru fejn issa ilu jgħix għal dawn l-aħħar erba’ snin. Illum irroddu ħajr lill-Mulej għal dawn il-100 sena ta’ Ħajja. Minn qalbna nawgurawlu saħħa u paċi tal-qalb.

Scroll to Top