Il-Patri bit-Track Suit

Nhar it-Tnejn, 27 ta’ Ottubru, il-Millennium Chapel organizzat it-tnedija ta’ ktieb ġdid bl-isem “The Priest in a Tracksuit”, bijografija li tgħożż u tiċċelebra l-ħajja straordinarja ta’ Patri Hilary Tagliaferro osa.

It-tnedija saret lejliet il-91 sena ta’ Patri Hilary u fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Millennium Chapel. Il-ktieb jiġbor fih kontribuzzjonijiet minn diversi nies li matul is-snin għarfu u għexu qrib Patri Hilary. Jiffoka fuq il-personalità unika tiegħu u fuq l-esperjenza pastorali u soċjali wiesgħa li dejjem kienet timmarkah.

Din it-tnehdija nfetħet minn Keith Demicoli, segwit minn diskors ta’ Dr John C. Grech, Chairman tal-Millennium Chapel Foundation. Wara, Peppi Azzopardi mexxa intervista ma’ Patri Hilary, akkumpanjata minn Dr Lydia Buttigieg fuq l-arpa li ħolqot atmosfera ta’ serenità u ispirazzjoni.

Il-pubblikazzjoni saret bl-għajnuna ta’ diversi sponsors li jappoġġjaw l-inizjattiva tal-Save and Support Trust, li ffinanzjaw dan il-proġett. Ringrazzjament speċjali jmur lill-edituri Prof. Victor Grech, Doreen Vassallo Grant u Tony Meilak li ħadmu biex dan il-ktieb isir realtà.

Il-ktieb jinsab għall-bejgħ fil-Bookshop tal-Millennium Chapel, u d-dħul kollu se jmur b’risq il-Millennium Chapel.

Scroll to Top