Il-grupp ta’ Malta Augustinian Youths bħalissa għaddej bi preparazzjonijiet biex jagħmel l-esperjenza tal-pellegrinaġġ Camino de Santiago fi Spanja matul il-vaganzi tas-sajf. Din l-esperjenza, magħrufa sempliċement bħala l-“Camino de Santiago”, tlaqqa’ pellegrini minn madwar id-dinja, li jimxu f’diversi rotot tal-pellegrini li jwasslu għall-qabar ta’ San Ġakbu (Santiago) f’Santiago de Compostela fil-Majistral ta’ Spanja.
Dan jinvolvi l-mixi f’rotot differenti ta’ mill-anqas 100km f’forma ta’ irtir spiritwali, u għaldaqstant il-grupp Augustinian Youths qed jipprepara permezz ta’ attivitajiet fiżiċi varji biex ikun jista’ jagħmel dan il-vjaġġ. Dan l-aħħar saru numru ta’ mixjiet ta’ madwar 15km madwar Malta, f’naħat differenti u kundizzjonijiet differenti, bħala taħriġ. Aktar mixjiet huma ppjanati li fl-aħħar iwasslu għall-esperjenza tal-Camino, li hemm il-ħsieb li ssir fil-Portugal fuq għaxart ijiem f’Awwissu 2022.
Din ir-rotta, magħrufa bħala t-Triq tal-Kosta, hi aktar kwieta imma daqstant ieħor rotta impressjonanti bħal dik ċentrali tal-Camino Portugiż. Ser nibdew mill-belt sabiħa ta’ Porto u ngħaddu mal-kosta tal-Atlantiku u l-bajjiet ramlin tat-Tramuntana tal-Portugal u l-Galicia. L-iskop li nagħmlu dawn l-isfidi bi tħejjija għall-Camino mhux wieħed kompetittiv, għax l-għan imur ’l hemm mil-livell ta’ saħħa tal-persuna li tagħmel il-mixja. Għalkemm hemm pellegrini li jdumu aktar minn oħrajn biex jaslu Santiago de Compostela, l-isfida hi aktar personali u spiritwali. Madankollu, it-tħejjija fiżika qabel nitilqu hi ta’ benefiċċju kbir għall-grupp biex tnaqqas il-każi ta’ inċidenti u tqawwi l-pellegrini Maltin.
Il-grupp hu magħmul minn madwar għaxar individwi minn realtajiet differenti tal-ħajja, b’talenti, kapaċitajiet, interessi u esperjenzi varji, li flimkien jagħtuna s-saħħa u t-tama li nissapportjaw lil xulxin mentalment, fiżikament u spiritwalment sabiex din l-esperjenza tħalli l-frott fostna u impatt pożittiv fil-ħajja tagħna lkoll.
Din hi waħda mill-attivitajiet organizzati mill-Augustinian Youths. Attivitajiet oħra bħal diskussjonijiet, hikes, mumenti ta’ talb, xogħol volontarju, eċċ… isiru għal żgħażagħ ta’ bejn l-20 u l-35 sena. Jekk inti f’din l-età jew taf lil xi ħadd li jixtieq jingħaqad mal-Augustinian Youths, tista’ tkellem li Fr Terence Spiteri osa permezz ta’ email [email protected] jew fuq Facebook Augustinian Youths.
Edward Abela