Fil-quddiesa tal-Ħadd, 12 ta’ Diċembru filgħaxija fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta 7 persuni għamlu l-Wegħda biex ikunu membri sħaħ fil-Fraternita’ Agostinjana Sekulari ta’ Santu Wistin u Santa Monika.
L-Ordni ta’ Santu Wistin sa minn kmieni rawwem fi ħdanu numru ta’ lajċi, li filwaqt li jibqgħu jgħixu l-ħajja tagħhom fid-dinja, jissieħbu, bħala parti integrali, fl-għan u l-missjoni tal-Ordni billi jixorbu mill-istess għajn ta’ spiritwalità msejsa fuq il-prinċipji dejjiema tar-Regola ta’ Santu Wistin u tat-tradizzjoni sekulari tal-Ordni, f’sehem mill-kariżma għas-servizz tal-Knisja.
Il-Fraternità Agostinjana Sekulari ta’ Santu Wistin u Santa Monika (F.A.S.) hija magħmula minn Insara Kattoliċi, irġiel u nisa li jinsabu fid-dinja u fil-qalba tal-Knisja. Huma msejħin biex jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva Agostinjana, u jgħarfu jaqsmu bejniethom u ma’ oħrajn il-fidi u l-ħbiberija tagħhom.
Il-quddiesa kienet immexxija mill-Provinċjal P. Leslie Gatt. Il-Wegħda tal-Kandidati biex ikunu membri fil-Fraternita’ saret quddiem l-Assistent Ġenerali l-ġdid tal-Ordni Agostinjan P. Javier Perez Barba.