Il-festi Ġubilari ta’ Santa Rita F’Għawdex fetħu bil-Pellegrinaġġ li sar għall-Cascia fis-19 ta’ Marzu 2025 fejn dawk li pparteċipaw kellhom l-okkażjoni li jagħqdu l-Ġublew tat-Tama 2025 mal-Ġublew f’għeluq il-125 sena mill-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita 1900-2025.
Fis-11 ta’ Mejju 2025, fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria, saret Akkademja Mużikali afdata f’idejn il-Fondazzjoni Santa Ċecilja, esegwita mill-Maestro Antoine Mercieca fejn ikkompona biċċiet mużikali oriġinali tiegħu, u saru wkoll diskorsi u poeżiji minn persuni diversi.
L-akkademja Mużikali kienet taħt il-Patroċinju tal-Provinċjal P. Leslie Gatt OSA. Wara, il-Provinċjal inawgura wirja ta’ oġġetti sagri marbuta ma’ Santa Rita, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti, ħbieb u dokumenti mill-arkivju tal-kunvent.
Il-festa kompliet bit-tridu minsuġ mill-Arċisqof Emeritu Mons. Ġorġ Frendo O.P. U lejliet il-festa, għat-transulazzjoni ħa sehem il-Kapitlu tal-Bażilka San Ġorġ bil-parteċipazzjoni tal-Provinċjal li mexxa il-quddiesa.
Il-Ħamis 22 ta’ Mejju, nhar il-festa, in-nies attendiet bi ħġarha kemm għall-quddies ta’ matul il-ġurnata u kemm għall-Pontifikal u purċissjoni mmexxija minn Nunzju Appostoliku Mons. Savio Hon Tai-Fai bis-sehem tal-Kapitlu tal-Katidral ta’ Marija Imtellgħa s-Sema.
Il-MaltaPost ħarġet timbru speċjali fuq kartolina apposta maħduma minn Mr Anthony Grech biex ifakkar dan l-anniversarju. It-timbru kien disponibbli mill-Fergħa Postali ta’ Victoria, Għawdex, nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju 2025.
P. Peter Paul Cachia OSA















