Għandna b’missierna bniedem li kkonverta!
Għal sena oħra qegħdin niċċelebraw il-figura ta’ Santu Wistin u allura l-ħafna kwalitajiet li bihom immarka l-istorja tal-Kristjaneżmu. Figuri oħra kbar ħarsu lejn il-ħsieb tiegħu imwassal lilna f’dak li kiteb u għallem, u sabu fih minjiera ta’ tagħlim, kif għadna nagħmlu sa llum. Tant irġiel u nisa tul is-snin għażlu li jwieġbu għas-sejħa ta’ Alla permezz tal-ħajja kkonsagrata imqanqlin mill-mixja tiegħu wara Kristu. Dan kollu iżda ma kienx ikun possibbli kieku qabel ma kienx hemm esperjenza konkreta ta’ ħajja mżewwqa bi tfittxija kontinwa għall-verità u mmarkata minn xewqa qawwija li jsib dak li jagħtih is-sens veru, li kif ilkoll nafu, eventwalment sab meta ħalla l-grazzja t’Alla tmiss lil qalbu.
Probabbli l-esperjenza l-aktar qawwija li tikkaratterizza l-figura ta’ Santu Wistin hija l-mument jew aħjar il-proċess ta’ konverżjoni li għex. Kienet tfittxija li ġabet bidla radikali f’ħajtu. Aspett mill-isbaħ ta’ din l-esperjenza huwa l-kapaċità li biha għaraf iħares lejh innifsu u bl-umiltà kollha jiltaqa’ mar-realtà dgħajfa tiegħu. Kienet propju imbagħad din il-laqgħa umli mad-djgħufija tiegħu li poġġiet b’mod aktar ċar quddiemu l-potenzjal li jista’ jkun aħjar u d-determinazzjoni li jilħaq dan l-ideal. Kien biss b’din l-attitudni li wasal biex għaraf dik is-sbuħija ġenwina tal-esperjenza ta’ Alla li ħafna qabel kienet sqietu ommu. F’dan kollu ħadmet bħal bizzilla l-grazzja t’Alla!
L-umiltà li biha għaraf iħares lejh innifsu ma tintrabatx biss mal-konverżjoni li hu stess jirrakonta fl-Istqarrijiet tiegħu bil-mixja li wasslitu biex irċieva d-don kbir tal-magħmudija, imma aktar minn hekk saret għalih attitudni ta’ ħajja. Il-Papa Benedittu XVI, ammiratur kbir ta’ Santu Wistin, f’waħda mil-katekeżijiet tiegħu, jitkellem minn tliet konverżjonijiet li għex. L-ewwel waħda hija propju dik l-aktar ovvja li wasslitu biex iħaddan il-fidi nisranija. It-tieni waħda kienet dik li minn stil ta’ ħajja mogħtija għal-kontemplazzjoni u l-istudju kif kien qed joħlom ma’ xi ħbieb tiegħu, aċċetta s-sejħa li jkun qrib tal-poplu billi jingħata għas-servizz tal-oħrajn u jagħmel mezz kif jgħallem u jwassal lil Kristu.
It-tielet waħda imbagħad hija dik “li wasslitu kull jum ta’ ħajtu biex jitlob maħfra lil Alla”, u fuq din tajjeb li nieqfu ftit aktar. Wara li rċieva l-magħmudija filfatt kien ħass li issa kien daħal f’ħajja ta’ komunjoni ma’ Kristu permezz tas-sagramenti u taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u kien konvint li issa bħala nisrani jgħix għal dejjem dan l-ideal. Madanakollu aktar tard irrealizza li kien żbaljat u dak l-istat ideali li jitkellem dwaru fl-ewwel priedki tiegħu dwar id-diskors tal-muntanja kellu jibqa jissielet għalih kontinwament. Filfatt aħna kuljum “għandna bżonn niġu maħsula minn Kristu u mġedda minnu. Għalhekk għandna bżonn ta’ dik il-konverżjoni kontinwa, li tikber bl-umiltà li nafu li aħna midinbin li ninsabu mexjin fit-triq, sakemm il-Mulej inewlilna jdejh għal dejjem u jdaħħalna fil-ħajja eterna.” (Udjenza Ġenerali, 27 ta’ Frar 2008)
Dan l-atteġġjament umli sar programm kontinwu f’ħajtu u huwa propju b’dan l-atteġġjament li għaraf iwieġeb kuljum għal dak li Alla kien qed jitlob minnu permezz tal-Knisja u tal-isfidi li l-mixja tal-ħajja laqqagħtu magħhom. Hekk seta’ ġenwinament jikkopera mal-grazzja t’Alla li ħadmet fih u taħdem kontinwament f’kull wieħed u waħda minna. Din hija r-riflessjoni li nixtieq li lkoll kemm aħna nagħmlu tagħna, aħna u niċċelebraw il-figura kbira ta’ Santu Wistin li fl-għerf u l-kobor tiegħu kellu l-kapaċità li jagħraf u jistqarr id-djgħufijiet tiegħu u jagħmel minnhom tarġa li b’serenità interjuri tqarrbu aktar lejn Alla li tant ħabb.
Ejjew irroddu ħajr lil Alla li tana b’missierna u gwida tagħna persuna li għaddiet minn konverżjoni daqstant kbira u nħallu din l-esperjenza tħeġġiġna biex b’umiltà ma naqtgħu qalbna qatt infittxu dak li nistgħu nibdlu fina nfusna u hekk inkunu sinjal sabiħ tal-grazzja t’Alla li taħdem fina u permezz tagħna ma’ dawk ta’ madwarna. Ejjew nieqfu nistennew lil ta’ madwarna jinbidlu u nħarsu lejn dak li nistgħu nibdlu fina. Dan hu dak li l-Knisja u s-soċjetà jeħtieġu kontinwament minna lkoll li rċevejna l-grazzja tal-magħmudija u nixtiequ ġenwinament nikkoperaw magħha.
Din hija stedina għal kull nisrani imma nixtieqha tkun stedina b’mod partikolari għar-reliġjużi li qed nimxu lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 li jekk Alla jrid ikun ikkonvokat ftit ġimgħat oħra. Kull Kapitlu Provinċjali Ordinarju huwa minn nnifsu mument ta’ tiġdid fil-ħajja tal-Provinċja tagħna u stedina biex: inħarsu ħarsa tajba lejna nfusna; irroddu ħajr lil Alla tal-mod kif jaħdem fina permezz tal-grazzja tiegħu; u nirriflettu b’umiltà fuq dak li flimkien nistgħu nagħmlu aħjar.
Ma’ dan il-messaġġ nixtieq nintroduċi anke kwestjonarju qasir u nistieden lilek li qed taqra sabiex issib ftit ħin u timlieh. Dan huwa sehem li nixtiequ li intom ilkoll tagħmlu biex tgħinuna fir-riflessjoni tagħna fil-Kapitlu Provinċjali li ġej. Għaldaqstant, int min int li qed taqra, nistiednek tagħfas fuq il-ħolqa ta’ hawn
Kwestjonarju Online – Lajċi OSA
u tagħti l-kontribut tiegħek mill-ftit jew ħafna li tafna. Nassigurak li jkun ferm apprezzat. Sadanittant inħeġġek li żżommna dejjem fit-talb tiegħek bħalma aħna nżommu lilkom ilkoll.
Il-festa t-tajba
Fr. Leslie Gatt osa
Pirjol Provinċjali