Nhar l-Erbgħa, 14 ta’ April 2021, il-Patrijiet Agostinjani iltaqgħu għal-laqgħa oħra ta’ Formazzjoni Permanenti online. Din kienet it-tieni laqgħa f’serje ta’ laqgħat li qed jagħmel Fr Philip Cutajar OFM Cap bit-tema: Inkunu bennejja ta’ Komunita’ Evanġelika.
Fr Philip beda billi qasam mal-Patrijiet l-esperjenza tiegħu meta kien milqut bil-Covid-19. Kompla billi qal li din l-esperjenza għenitu japprezza iktar il-ħajja u l-komunità bil-mod kif imxew miegħu ħutu l-patrijiet u nies oħrajn waqt dan iż-żmien diffiċli li għadda minnu kien il-Vanġelu li rridu niktbu bejnietna.
Imbagħad Fr Philip stieden lill-Patrijiet biex it-tieni kapitlu tad-dokument tal-Konċilju Vatikan II Gaudium et Spes li jitkellem fuq il-komunita’ tal-bnedmin napplikawh għall-komunita’ reliġjuża.
Dan id-dokument jitkellem fuq l-importanza:
- Li jkun hemm djalogu bejn l-aħwa bir-rispett lejn id-dinjita’ ta’ kull wieħed
- Li r-reliġjużi jfittxu li jkunu familja waħda
- Li s-superjuri jfittxu mal-komunita’ ir-rieda ta’ Alla
- Li jinġieb ‘il quddiem il-ġid komuni
- Li l-bniedem inħalluh fiċ-ċentru
- Li jintwera rispett u mħabba lejn l-avversarji
- Li l-ugwaljanza hija essenzjali
- Li jeħtieġ iżjed minn etika individwalistika
- Li kull wieħed ikun responsabbli u jippareteċipa
- Li jkun hemm solidarjeta ma’ xulxin
Dawn il-laqgħat huma ta’ għajnuna kbira għall-patrijiet biex ikomplu jiġġeddu u jinbnew f’komunità mibnija fuq l-Evanġelju.