Nhar is-Sibt 15 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Provinċjali għal-Lajċi organiżżat il-Festa Familja Agostinjana li saret attività mistennija ta’ kull sena minn diversi lajċi qrib tal-komunitajiet Agostinjani. Fl-attività li ttellgħet f’Għawdex, ħadu sehem aktar minn mitt persuna li kienu ġejjin mill-komunitajiet u oqsma differenti tal-ħidma tal-Agostinjani f’Malta.
Il-ġurnata fil-gżira Għawdxija bdiet b’dawra panoramika bil-ferrovija u ftit ħin liberu fil-Belt Victoria. F’nofsinhar il-grupp inġabar għall-ikel f’Marsalforn u wara l-ikel mar għal mument ta’ talb fis-Santawarju tal-Madonna ta’ Pinu. Il-Grupp għalaq imbagħad il-ġurnata bil-quddiesa fil-Knisja ta’ Santu Wistin preseduta minn P. Franco Grech O.S.A. delegat Provinċjali għall-Lajċi.
Dawn l-inzjattivi huma mumenti li jġibu flimkien diversi Lajċi li mhux biss jiffrekwentaw il-knejjes tagħna imma anke jissapportjaw il-ħidma tal-aħwa Agostinjani f’diversi realtajiet li jservu. Fuq kollox huma mumenti li jgħinu fil-bini ta’ relazzjonijiet pożittivi u tal-identità Agostinjana.