Ħuna P. Noe Schiavone osa mar jiltaqa mal-Mulej li tant ħabb

Il-Provinċja Agostinjana Maltija b’sogħba kbira tħabbar il-mewt ta’ P. Noe Schiavone OSA li nhar is-Sibt 13 ta’ Jannar 2024 mar jiltaqa’ mal-Mulej li tant ħabb u qeda matul ħajtu. P. Noe dawn l-aħħar ġimgħat kien rikoverat fid-Dar tal-Kleru wara diversi snin fil-komunità tagħna tal-Belt.

Bħala reliġjuż u saċerdot Agostinjan, P. Noe għex u serva f’diversi komunitajiet u għal tant snin kien għalliem fil-Kulleġġ Santu Wistin. Parti twila minn ħajtu għaddiha imbagħad fi Sqallija l-Italja fejn ħadem ukoll fil-Provinċja Agostinjana Taljana. Lura Malta, fil-Komunità tal-Belt Valletta, huwa serva bħala Kappillan tal-Monasteru tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Santa Katarina.

Il-funeral tiegħu ser isir nhar it-Tnejn 15 ta’ Jannar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fid-9.30am. Qabel il-quddiesa il-ġisem ta’ ħuna P. Noe ser jitqiegħed fl-Oratorju tal-Madonna taċ-Ċintura għat-tislima tal-pubbliku. Id-difna ssir imbagħad fl-oqbra tal-Provinċja Agostinjana fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

L-aħwa agostinjani jirrakomandawh fit-talb sabiex il-Mulej jilqgħu fil-ħniena tiegħu u jagħtih il-ħlas ta’ dak kollu li ħadem għalih matul ħajtu. 

 

Scroll to Top