Nhar it-Tnejn 23 ta’ Ottubru il-Komunità Edukattiva tal-Kulleġġ Santu Wistin flimkien mal-Provinċja Agostinjana Maltija fakkru il-175 sena mill-ftuħ tal-ewwel sena skolastika tal-Iskola Santu Wistin dak iż-żmien fil-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Dak kien il-bidu tal-ewwel skola tal-Knisja għat-tfal Maltin. Dan l-anniversarju tfakkar dalgħodu permezz ta’ ċelebrazzjoni ferriħija preseduta mill-E.T. Mons Joseph Galea Curmi, Vigarju Generali ta’ Malta, taħt il-Patronċinju tal-Aġent President tar-Repubblika il-Prof. Frank Bezzina, fl-assenza tal-President ta’ Malta li jinsab imsiefer. Għall-attività kien hemm anke L-E.T Mons. Savio Hon Tai-Fai S.D.B. Nunzju Appostoliku għal Malta, flimkien ma’ rappreżentanti mis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika u diversi reliġjużi Agostinjani li tul is-snin ħadmu jew kienu studenti fil-Kulleġġ bħalma kienu anke diversi saċerdoti oħra.
Iċ-Ċelebrazzjoni saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan f’Ħal-Qormi fejn setgħu jinġabru l-istudenti kollha tal-Kulleġġ li llum jgħoddu madwar 800 u l-membri tal-Istaff. Iċ-ċentru tal-attività kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ta’ radd il-ħajr. Numru sabiħ ta’ studenti ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni b’diversi modi, partikolarment permezz tal-kant ferrieħ, siltiet ta’ qari, rappreżentazzjoni qasira wara l-Evanġelju, preżentazzjoni ta’ simboli, il-preżenza tal-Air Scouts, u s-servizz tal-altar permezz tal-abbatini. Numru sabiħ ta’ edukaturi u membri oħra tal-istaff tal-Kulleġġ ukoll ipparteċipaw fl-attività b’diversi modi, u kkolaboraw fil-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tal-attività kollha.
Nitolbu lill-Mulej ikompli jbierek din il-Komunità Edukattiva.