San Ġwann ta’ Sahagun – 12 ta’ Ġunju

“Missier, ma tafx tagħlaq ħalqek! Sur duka, għalfejn nitla’ fuq il-pulptu? Biex ngħid il-verità lil min qed jismagħni jew biex bla mistħija nżiegħel bihom biex ifaħħruni?” Dan il-kliem intqal bejn id-duka t’Alba li mar għall-funzjoni reliġjuża u l-patri Agostinjan Ġwanni minn Sahagun li għamel il-priedka. Dak il-jum Patri Ġwanni pprofitta mill-preżenza ta’ ħafna nobbli tal-belt u awtoritajiet ċivili, sabiex jikxef il-gvern ħażin u l-inġustizzja tal-prepotenti ma’ dawk li kienu dgħajfa.

Ġwanni twieled f’Sahagun fi Spanja għall-ħabta tal-1430. Meta kien għadu żgħir zijuh sablu post fil-kurja ta’ l-isqof ta’ Burgos u ġablu benefiċċju tal-knisja. Wara sar saċerdot.

Iżda meta kellu 33 sena Ġwanni waqa’ fi kriżi: ma setax jgħix mill-għalqa tal-Mulej bla ma jaħdimha. Għalhekk wara li miet l-isqof hu biddel ħajtu u daħal ma’ l-Agostinjani u ntefa’ b’ruħu u ġismu għall-appostolat, jippriedka l-paċi u l-ġustizzja soċjali.

“Jekk xi ħadd isaqsini fuq Ġwanni”, jgħid wieħed li għex fi żmienu “fejn jidħlu l-foqra, il-morda, ir-romol, it-tfal sfruttati, nirrispondi li huwa kien iħoss fin-natura tiegħu li għandu jgħinhom bil-kelma t-tajba u bil-karità. Wara li waqqaf il-mibegħda u l-ġlied kellu f’moħħu li jġib il-paċi u l-ftehim fost kulħadd. Meta kien Salamanka li kienet imfarrak bi ġlied ċivili rnexxielu jwaqqaf straġi kbira”.

Bl-isforzi tiegħu bla waqfien biex iġib il-paċi fl-1476 in-nobbli ta’ Salamanka ffirmaw ftehim ta’ qbil bejniethom. Kienet l-Ewkaristija li hu kien jiċċelebra b’tant devozzjoni li tatù s-saħħa u l-kuraġġ.

Miet fl-1479. Il-proċess tal-kanonizzazzjoni spiċċa billi fl-1601 sar beatu u fl-1690 sar qaddis. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-Katidral il-ġdid ta’ Salamanka, belt mimlija postijiet li fihom il-qaddis għamel opri ta’ qdusija f’ħajtu jew wara mewtu.

Pietro Bellini, o.s.a.

HERRERA C., 57-78: Acta SS. Junii II, Venezia 1743, 616-63; CAMARA, T., OSA., Vida de S. Juan de S., patrono de Salamanca, Salamanca 1891; *VELA, VII, 7-24; CANBLOR, L., OSA., San Juan de S. Su prodigiosa vida y extraordinarios milagros, El Escorial 1962; *FERDINÁNDEZ CATÓN, J. M.; G. di S. Facondo, santo, in BS.VI, Roma 1965 (rist. 1988). c. 899-900; CUENCA, J. M., OSA., Ecos de un centenario, San Juan de S.: Apóstol de la paz (1479-1979), in Archivo Agustiniano 63 (1970) 315-319; ID., La Hacienda para la canonización de san Juan de S., ib. 69 (1985) 167-244; GARCÍA ABAD, A., San Juan de S., fenómeno social del siglo XV, León 1994; LUNA, PABLO, OSA., San Juan de S. Ángel de paz, Madrid 1998.

 

Scroll to Top