Ftit li xejn għandna informazzjoni dwar il-ħajja tal-Beatu Santu u kif jiġri ħafna drabi, l-istorja titħallat mal-leġġenda. L-għejun ta’ informazzjoni dwaru ġejjin minn eloġju funebri magħmul minn P. Ambrogio Massari da Cori (elett Pirjol Ġenerali 1476), li kien mill-istess belt tal-Beatu u li kiteb diversi kitbiet storiċi fuq l-Ordni. Aħbarijiet dwaru nsibuhom ukoll fl-Historia Corana miktuba fl-1637 minn Sante Laurienti, qarib mill-bogħod fiż-żmien tal-Beatu.
Il-Beatu Santu twieled għall-ħabta tal-1339. Xi aġjografi jagħtu tagħrif tardiv dwar il-familja tiegħu, bil-kunjom Laurienti, dixxendenti tal-poeta Virginio Laurienti, kontemporanju ta’ Dante Alighieri. Sa minn tfulitu wera dedikazzjoni għall-qadi u għat-talb. Jidher li l-karattru tiegħu kien jiġbed lil dawk li kienu jagħmluha miegħu. Daħal fil-kunvent Agostinjan fil-belt ta’ Cori. Mhux magħruf fejn għamel l-istudji tiegħu u sa liema grad wasal, imma Ambrogio Massari jistqarr li ngħata bis-sħiħ għall-predikazzjoni, frott id-devozzjoni kbira li kellu lejn il-Kelma ta’Alla. Sabiex tkun enfasizzata l-effikaċja tal-predikazzjoni tiegħu, kien spiss jingħad li l-knejjes ma kinux biżżejjed biex jilqgħu fihom il-mases ta’ nies li kienu jmorru jisimgħuh bi ħġarhom. Kien iż-żmien ta’ predikaturi famużi fl-Italja Ċentrali, li kienu jiġbru l-folol fil-pjazez u jqanqlu lil min jismagħhom għall-penitenza.
Miet fl-1392 u l-fdalijiet tiegħu ndifnu fil-knisja ta’ S. Wistin f’Cori. Maż-żmien jidher li l-fdalijiet tiegħu ntilfu. Madanakollu l-qima lejh u t-talb għall-interċessjoni tiegħu kien dejjem preżenti, b’mod speċjali fil-lokalitajiet marbutin miegħu fil-Lazio, l-Italja. Fl-1640 kien dedikat lilu altar b’pittura li tirrappreżentah. Dan wassal sabiex fi Frar tal-1888 il-Papa Ljun XIII ikkonferma l-kult tiegħu u niżżlu fil-lista tal-beati.
Saċerdot Agostinjan zelanti li bl-eżempju tiegħu jippreżenta ideal għal kull saċerdot ieħor: it-tixrid bla waqfien tal-Kelma t’Alla permezz ta’ predikazzjoni assidwa u preparata.
Fr. Josef Sciberras osa