Dan kien mill-aqwa ħbieb ta’ Wistin u nafu fuqu minn din il-ħbiberija li kien hemm bejniethom. Ħa l-formazzjoni tiegħu nisranija fil-monasteru li Wistin kien waqqaf ħdejn il-knisja f’Ippona u hemm għex għal xi snin, sakemm madwar is-sena 400 ħatruh isqof ta’ Kalama, belt fin-Numidja. Flimkien ma’ Alipju, Evodju u xi ħaddieħor, hu kien wieħed mill-assistenti prinċipali l-iżjed kapaċi u afdati ta’ Wistin, tant hu hekk li nsibuh dejjem jieħu sehem kontra d-Donatisti u wara kontra l-Pelaġjani. Biżżejjed insemmu x-xogħol tiegħu fil-konċilji kontra d-Donatisti li saru f’Kartaġni fl-403 u fl-407 u fuq kollox fil-konferenza kbira bejn il-Kattoliċi u d-Donatisti li saret f’Kartaġni fl-411 fejn tkellem kemm-il darba biex isaħħaħ dak li kien jgħid Wistin. Minħabba din il-ħidma huwa kien mibgħud mid-Donatisti li saħansitra darba waħda attakkawh bil-vjolenza. Kien ukoll fit-tiġrib min-naħa tal-pagani fuq differenzi li nqalgħu f’Kalama.
Ħa sehem fil-konċilji kontra l-Pelaġjani f’Milevi fl-416 u f’Kartaġni fl-419 u ġie imqabbad b’żewġ missjonijiet uffiċjali ma’ l-imperatur fl-Italja – darba fl-409 u darb’oħra fl-410. Meta daħlu l-Vandali fl-428, Kalama ġiet maħkuma mill-barbari u Possidju ħa kenn f’Ippona ma’ Wistin li kien fl-aħħar ta’ ħajtu. Għalhekk seta’ jagħti daqqa t’id waqt il-mewt tas-surmast u ħabib tiegħu. Dan nafuh minn l-aħħar kapitli tal-bijografija tiegħu.
Wara l-ħruq t’Ippona sab mezz kif imur lura f’Kalama, iżda għal ftit, għax 437 Possidju kien ma’ dawk li ġġieldu kontra l-ordni ta’ Ġenseriku li ried jifrex ir-reliġjon Arjana u għalhekk ġie mkeċċi mis-sede tiegħu. Wara dan il-fatt ma nafu xejn iżjed dwaru.
Manlio Simonetti*
Il-Kanoniċi Regulari u l-Ordni Agostinjan jagħmlu l-festa tiegħu ma’ dik ta’ San Alipju fis-16 ta’ Mejju. Il-qima lejn dawn iż-żewġ rappreżentanti tal-ħajja monastika Agostinjana ġiet ikkonfermata mill-Papa Klement X fid-19 ta’ Awwissu 1672 bl-ittra Alias a Congregatione.
Acta SS. IV Maii, 15 maii, Venetiis 1740, 27-34 (per S. Alipio, ib. III Augusti, 15 aug., Venetiis 1752, 201-208); MORICCA, U., Storia della letteratura latina cristiana, III/1, Torino 1932, 711-713; PELLEGRINO, M., in Enciclopedia Cattolica IX, Roma 1952, 1838; GORDINI, G.D., in BS.X, Roma 1968 (rist. 1990), c. 1055-1056; Possidius in MANDOUZE, A., Prosopographie de l-Afrique Chrétienne (303-533), Paris 1982, 201-208 (Alypius, ib., 53-65);
*In Ponzio, Vita di Cipriano – Paolino, Vita di Ambrogio – Possidio, Vita di Agostino. Traduzzjoni, introduzzjoni e noti minn M. Simonetti, Roma, Citta Nuova, 1997, 23-24.