Nhar il-5 ta’ April 1983 ħalla din l-art P. Marjanu de la Mata Aparicio, saċerdot Agostinjan, missjunarju fil-Brażil, wara ħajja ta’ 77 sena. Żgur li hu stess, persuna umli u mingħajr pretensjonijiet, qatt ma basar li 14-il sena wara ser isib ruħu bħala protagonist ta’ ċerimonja ta’ beatfikazzjoni fil-kattidral ta’ Sao Paolo, Brażil.
Twieled nhar l-aħħar jum tas-sena 1905 f’villaġġ ċkejken qrib il-belt ta’ Palencia, fi Spanja. L-ambjent familjari għenu qatigħ sabiex irawwem fih il-valur insara sa mit-tfulija. Ommu Martina, flimkien ma’ missieru Manuel għamlu ħilithom sabiex jagħtu trobbija tajba u nisranija lil Marjanu u lit-tliet ħutu. Għal dan il-għan, bosta kienu s-sagrifiċċji li wettqu, u dan kien ta’ eżempju għall-ulied.
Frott din it-trobbija u d-dispożizzjoni personali sabiex jilqa’ s-sejħa minn Alla, Marjanu ddeċieda li jingħaqad mal-Ordni ta’ S. Wistin. Dan seħħ nhar id-9 ta’ Settembru 1921. Ferħ kbir kien għalih dan il-jum, għax xidd fuqu għall-ewwel darba, imma ferħ akbar kellu f’qalbu sena wara, hekk kif għamel il-professjoni tal-voti tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza. Minn dakinhar ipprova kemm felaħ, megħjun mill-grazzja ta’ Alla, sabiex ma jonqosx milli josservahom. Il-professjoni reliġjuża għamilha f’riġlejn beatu ieħor, il-martri Agostinjani Alselmo Polanco, li kien il-pirjol tad-dar. Aktar tard, Polanco kellu jsofri l-martirju fil-persekuzzjoni tal-Knisja fi Spanja bħala isqof tad-djoċesi ta’ Teruel. Fra Marjanu kompla l-istudji tiegħu sakemm ġie ordnat presbiteru nhar il-25 ta’ Ġunju 1930.
Kważi immedjatament wara l-ordinazzjoni, ġie magħżul sabiex jintbagħat jaħdem fil-Brażil, fejn midd idejh għax-xogħol. Kellu għal qalbu l-pastorali edukattiva għall-formazzjoni sħiħa tat-tfal u żgħażagħ. L-eżempju ta’ ħajtu kien innutat mill-aħwa missjunarji u bejn l-1945 u l-1948 kien magħżul bħala superjur tal-viċi provinċja tal-Brażil. Għal diversi snin wara baqa’ involut fit-tmexxija tal-Agostinjani billi nħatar diversi drabi bħala kunsillier. Mill-1951 beda jaħdem fil-kulleġġ li l-patrijiet kellhom fil-belt ċkejkna ta’ Engenheiro Schmitt. Taħt it-tmexxija tiegħu din l-iskola mxiet ħafna ’l quddiem, mhux biss mill-aspett akkademiku, imma fuq kollox fil-formazzjoni nisranija tal-istudenti. Reġa’ lura definittivament għall-belt ta’ Sao Paolo fl-1961, fil-kulleġġ u l-parroċċa ta’ Santu Wistin, ftit ’il bogħod miċ-ċentru tal-belt.
Kull fejn kien, kien imidd idejh għal dak li hemm bżonn, mingħajr pretensjoni jew ambizzjoni. Kien attiv ħafna u l-mistrieħ ftit li xejn kien jaf xi jfisser għax l-ispirtu ġeneruż tiegħu kien jimbuttah sabiex ikun disponibbli dejjem. Bil-kelma u l-manjieri ġentili tiegħu, kien iwassal b’mod sempliċi l-Kelma ta’ Alla kull fejn kien jissejjaħ għall-ministeru tal-predikazzjoni. Ħafna kienu jinġibdu lejh għas-simpatija naturali tiegħu, li kienet tesprimi ruħha fit-tbissima hienja li kienet dejjem fuq wiċċu. Is-sempliċità tiegħu kienet marka partikolari tal-istil ta’ ħajtu: dejjem bit-tonka Agostinjana, ’il bogħod minn kwalunkwe tendenza ta’ moda u kapriċċi.
L-essenzjalità u s-sempliċità fl-għażliet tiegħu kienet riflessa mhux biss fl-ilbies, imma f’kull aspett tal-ħajja. Kellu għal qalbu l-ikkultivar tal-pjanti, ħaġa li kienet tagħtih mistrieħ mit-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum. Kellu d-drawwa li jitħaddet magħhom f’forma ta’ djalogi simpatiċi, ħafna drabi b’referenzi għas-sbuħija ta’ Alla li naraw fil-ħolqien ta’ madwarna. Dan il-passatemp kien irawmu fuq il-bejt tal-kunvent, fejn spiss kien jagħmel “il-passiġġata”. Sal-lum dan il-bejt għadu mżewwaq b’għadd ta’ pjanti b’tifkira tal-passatemp tal-beatu.
Din is-sempliċità ta’ ħajja kienet riflessa wisq aktar fuq livell spiritwali. L-imħabba tiegħu lejn Ġesù, li miegħu kien iqatta’ ħinijiet twal ta’ talb, kienet issuqu sabiex ikun viċin ta’ kulħadd. Imma l-aktar li kellu għal qalbu kienu t-tfal u ż-żgħażagħ. Fihom kien jara lit-tfajjel Ġesù. L-istess jista’ jingħad għal dawk li kienu esklużi mis-soċjetà, u kif nafu, fil-Brażil dawn huma kotrana. Għal kulħadd kellu mhux biss tbissima u kelma tajba, imma fejn seta’, għajnuna konkreta. Sabiex iwettaq din it-tip ta’ ħidma karitattiva b’mod aktar konkret u organizzat, permezz ta’ aktar minn 200 workshop ta’ ħjata msemmijin Talleres de caridad de S. Rita, kien jgħin kif jista’ lill-foqra, lill-anzjani, lill-morda.
Il-Beatu Marjanu kien iħossi miġbud lejn il-preżenza Ewkaristika. Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kienet il-mument l-aktar speċjali tal-ġurnata, għax kien jagħraf li hemm rabta intima bejn l-azzjoni pastorali tiegħu u l-mument tal-Ewkaristija. Ma tonqosx id-devozzjoni lejn Ommna Marija, l-aktar permezz tat-titli Marjani li nsibu fl-ispiritwalità tal-Ordni Agostinjan: Omm tal-Parir it-Tajjeb u Omm tal-Konsolazzjoni.
Il-ħafna taħbit tal-ħajja pastorali flimkien mal-età bdew iħallu l-marka fuq is-saħħa ta’ P. Marjanu. Beda jbatti mil-ħidma minħabba l-uġigħ li kien spiss iħoss fl-istonku tiegħu, sakemm wasal fi stat fejn il-mard beda jagħfas ħafna fuqu, minkejja l-attenzjoni medika li kien jirċievi bi premura ta’ ħutu fil-komunità. Ħalla din id-dinja nhar il-5 ta’ April 1983 fl-età ta’ 77 sena. Il-fdalijiet ta’ ġismu jinsabu fl-altar tal-ġenb fuq il-lemin fil-knisja Agostinjana ta’ Sao Paolo, fejn ħadem għal ħafna snin. Bosta huma l-opri soċjali li ħalla warajh jew li llum iġibu ismu jew jispiraw rwieħhom mill-qdusija tiegħu.
Il-fama ta’ qdusija ta’ grazzji maqlugħa permezz tiegħu kompliet tikber. Dan wassal biex l-Ordni Agostinjan jitlob li jinfetaħ il-proċess ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni. P. Marjanu kien ibbeatifikat nhar il-31 ta’ Mejju 1997. Il-qdusija ta’ dan is-saċerdot Agostinjan tfakkarna fl-impenn li kull nisrani għandu li jtaffi t-tbatija ta’ dawk ta’ madwaru, l-aktar ta’ dawk vulnerabbli fis-soċjetà. Dan jista’ isir b’affarijiet żgħar u sempliċi, l-istess kif it-tbissima fuq wiċċ il-Beatu Marjanu biddlet il-ħajja ta’ tant nies!
Fr. Josef Sciberras osa