Tifla ta’ nsara nobbli li twieldet fl-1611 viċin Nagasaki. Skond il-manuskritti antiki kienet tfajla fina, dedikata u ħelwa. Missierha, ommha u ħutha ġew ikkundannati għall-mewt għat-twemmin tagħhom meta ħija kienet għadha żgħira ħafna.
Fl-1624 saret taf żewġ Agostinjani Rikolletti Franġisku ta’ Ġesù u Vinċenzu ta’ Sant’Anton. Miġbuda mill-ispiritwalità ta’ dawn il-missjunarji ikkonsagrat lilha nnfisha ‘l Alla bħala terzjarja Agostinjana Rikoletta. Minn dak in-nhar il-libsa tagħha tal-festa kienet dik tat-terzjarji u ma kienet tagħmel xejn iżjed ħlief titlob, taqra kotba tal-qaddisin u l-appostolat. Iż-żminijiet kienu diffiċli u l-persekuzzjoni kontra l-insara kienet dejjem tikber u tkun iżjed qalila. Maddalena kienet tagħmel kuraġġ lill-insara, tgħallem id-duttrina lit-tfal, tittallab lill-kummerċjanti għall-foqra.
Fl-1629 telqet lejn il-muntanji ta’ Nagasaki u batiet mal-oħrajn. Għamlitilhom il-kuraġġ biex iżommu sħiħa l-fidi, ġabet lura fit-triq it-tajba dawk kollha li wara torturi kienu ċaħdu lil Kristu, kienet tmur tara l-morda, tgħammed it-tfal u tgħid kelma ta’ konfort ‘il kulħadd.
Minħabba li xi nsara ċaħdu l-fidi wara li ġew ittorturati, Maddalena xtaqet li tingħaqad għal dejjem ma’ Kristu, u qatgħetha li tisfida lit-tiranni, Għalhekk f’Settembru 1634 liebsa ta’ terzjarja marret minn rajha quddiem l-imħallfin. Ħadet magħha ħorġa mimlija kotba tal-qaddisin biex titlob u timmedita fil-ħabs. La l-wegħda ta’ żwieġ tajjeb u l-anqas it-torturi ma ġagħluha tbiddel fhemtha. Fil-bidu ta’ Ottubru 1634 ħadet it-turmenti tal-“forka u fossa” – imdendla minn saqajha b’rasha u sidirha ġo ħofra mgħottija bit-twavel biex tkun iżjed diffiċli li wieħed jieħu n-nifs, din it-tfajla kuraġġuża waqt dan it-turment bdiet titlob lil Ġesù u ‘l Marija u tkanta innijiet ‘il Mulej. Damet hekk għal tlettax il-ġurnata. Fil-lejl tat-tlettax-il jum xita qawwija mliet il-ħofra u Maddalena mietet fgata. It-tiranni l-ewwel ħarqu ġisimha u mbagħad xerdu l-irmied fil-baħar biex ma iħallux l-insara jieħdu l-fdalijiet tagħha.
Ġiet beatifikata fl-1981 u fit-18 t’Ottubru 1987 il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarha qaddisa.
Romualdo Rodrigo, o.s.a.
HERRERA A. II, 69; LUIS DE JESÚS, OAR., Historia general de los Religiosos descalzos de Orden de San Augustín, II, Madrid 1681, 271-276; Congregatio de Causis Sanctorum. Nagasakien. seu Macaonen. seu Manilen. Beatificationis seu declarationis martyrii Servorum Dei Dominici Ibade Erquicia, O.P. et XVI sociorum. Positio super introductione causae et martyrio, Roma 1970; RODRIGO, R. MARTÍNEZ CUESTA, A., OAR., Beata M. de N. terciaria agustina recoleta, Salamanca 1981; RODRIGO, R., OAR., Una mártir japonesa. Santa M. de N., terciaria agustina recoleta, Roma 1987.