L-ewwel ġrajja importanti fil-ħajja ta’ din il-mara singulari seħħet għall-ħabta tal-1450 jew xi sena wara meta hija ddeċidiet tibdel ħajjitha, titlaq il-familja u l-postijiet fejn għexet u tidħol Agostinjana lajka. Nafu biss kienet għadha żgħira, sbejħa u jisimha Kristina u li xtaqet timxi wara l-passi ta’ Kristu.
Minn dak il-mument ħajjitha saret pellegrinaġġ bla waqfien, dejjem tfittex post fejn tgħix fil-moħbi. Kienet f’ħafna monasteri Agostinjani iżda qajla damet fihom. Il-ħajja tagħha ta’ talb, tbatija u għajnuna lil dawk li kienu fil-bżonn ġagħluha titlaq minn post għall-ieħor meta kienet tinduna li saret magħrufa.
Billi kellha xewqa tmur fil-postijiet qaddisa t’Assisi u Ruma u fl-aħħar fl-Art Imqaddsa ma’ terzjarja oħra waslet Spoleto fejn baqgħet għal ftit tieħu ħsieb il-morda ta’ l-isptar t’hemmhekk. Wara li għexet din il-ħajja għal ftit snin, forsi kien għad għandha sitta u għoxrin sena, mietet fl-1454.
Il-kittieba ta’ ħajjet il-qaddisa jaqblu bejniethom fuq dan kollu. Iżda ma nafu xejn fuq iż-żmien qabel ma ħadet id-deċiżjoni qawwija li twarrab id-dinja. Hemm xi wħud li jgħidu li kienet ġejja mill-familja tal-Visconti ta’ Milan jew dik tas-Semenzi ta’ Calvisano fi Brescia. Dawn jgħidu li hi ħarbet mill-familja biex teħles minn xewqa tagħhom li riedu jżewġuha kontra xewqitha. Oħrajn jgħidu li kien jisimha Agostina li twiedet fejn l-għadira ta’ Lugano għall-ħabta tal-1432 jew 1435, tifla tal-istess Giovanni Camozzi u żewġuha meta kienet għadha tifla ma’ artiġjan tal-post. Iżda billi saret armla wara ftit taż-żmien kellha xi relazzjoni ma’ xi Kavallier Milaniż li minnu kellha tifel li twieled mejjet. Reġgħet iżżewġet u rat lil żewġha jiġi maqtul minn suldat li kien miġnun warajha.
Visconti, Semanzi jew Camozzi? Mudel ta’ ħajja twajba jew ta’ konvertita? Kristina ħadet f’qabritha t-tweġibiet ta’ dawn il-mistoqsijiet.
Il-fdalijiet tagħha ġew midfun mill-komun ta’ Spoleto fil-knisja Agostinjana ta’ San Nikkolò. Il-ħafna mirakli u grazzi li kienu magħmula bl-interċessjoni tagħha kabbru l-kult tagħha wara mewtha u fl-1834 il-Papa Gregorju XVI iddikjarha beata.
Fernando Rojo, o.s.a.
Acta SS. Februarii II, Venetiis 1735, 799-802; Sacra Rituum Congregatione. Approbationis cultus ab immemorabili tempore praestiti Ven. Serva Dei Christianae de Vicecomitibus, tertiariae OESA., Romae 1834; *MOTTA, E., La b. C. di S. era del lago di lugano, in Boll. St. della Svizzera italiana 15 (1893) 84-93; CONCETTI, N. OSA., De B. Ch. a Spoleto, terziaria, in AA. V (1914) 457-65; *GUERINI, P., Intorno alla b. C. di S., erroneamente chiamata b. C. Semanzi di Calvisano, in Brexia sacra VII (1916) 140-68; *DEL RE, N., C da S., beata, in BS. IV, Roma 1964 (rist. 1987), c. 341.