Santu Wistin

Santu Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru 354 f’Tagaste (illum Souk Ahras). Il-belt ta’ Tagaste tinsab madwar 100 kilometru fin-nofsinhar ta’ Ippona (illum Annaba), il-belt marittima li tagħha Wistin kien sar isqof. Dawn iż-żewġt ibliet jinsabu fl-Afrika ta’ Fuq, fil-lvant tal-Alġerija.

Il-ġenituri tiegħu kienu Monika u Patrizju. Monika kienet nisranija konvinta, filwaqt li Patrizju kien pagan sa ftit qabel ma miet, fis-sena 371. Wara li attenda l-iskola elementari f’Tagaste, ta’ madwar għaxar snin, intbagħat jistudja l-grammatika u l-letteratura klassika f’Madawra, belt mhux wisq il-bogħod minn Tagaste. Madwar is-sena 369, iż-żagħżugħ Wistin kellu jwaqqaf l-istudji tiegħu għal sena minħabba li missieru ma setax ikompli jħallaslu.

Romanjanu, raġel għani minn Tagaste u ħabib tal-familja, ħallas l-ispejjeż biex Wistin seta’ jmur Kartaġni ħalli jkompli jistudja. Dan kien madwar is-sena 370. Wistin, li kien student intelliġenti ħafna, sar għalliem u fetaħ skola f’Tagaste (373 – 374). Beda jgħallem ukoll f’Kartaġni, fejn baqa’ sas-sena 383.

Għal ħafna snin Wistin kien jgħix ma’ mara (li isimha mhux magħruf) u fis-sena 372 kellhom tifel, li semmewh Adeodat. Xi żmien wara, b’xewqa ġewwinija biex isib il-verità, Wistin ingħaqad u sar membru tas-setta tal-Manikej u dam disa’ snin sħaħ magħhom. Il-Manikej kienu jemmnu li jeżistu żewġ allat: wieħed li kien il-ħallieq tad-dawl u tat-tajjeb, l-ieħor kien il-ħakkiem tad-dlam u tal-ħażen. Wistin ma sabx tweġibiet għall-mistoqsijiet li kien jagħmel lill-Manikej esperti u ħareġ iddiżappuntat bil-kbir.

Meta kellu tmienja u għoxrin sena, Wistin telaq minn Kartaġni u mar Ruma. Hemm kellu kuntatti li wassluh biex jilħaq professur f’Milan, belt li fiha kien jgħix l-Imperatur ruman tal-punent

L-isqof ta’ Milan kien Sant’Ambroġ, il-mexxej spiritwali l-aktar prominenti f’dik il-ħabta. Wistin kien imur jisimgħu jipprietka, mhux għax kien jinteressaħ dak li jgħid iżda sabiex jisma’ diskorsi minsuġa b’tant sengħa; l-isqof Ambroġ kien magħruf għall-kelma faċli li kellu. Wistin beda jinġibed lejn il-messaġġ ta’ Ambroġ. Din l-ewwel laqgħa ta’ Wistin ma’ persuna Nisranija intellettwali kienet biżżejjed biex iċċaqalqu ħalli jneħħi l-ideat ħżiena li kellu kontra t-tagħlim Kattoliku. Fis-sajf tas-sena 386 wasal il-qofol tal-konflitti interjuri li kienu ilhom sejrin fih għal żmien twil. Wistin jitkellem dwar dan fil-ktieb tiegħu l-Istqarrijiet (8, 12, 29):

“… u qomt minn ħdejn [ħabibi] Alipju, għax ħassejt li jkun aħjar għalija jekk immur nibki waħdi, u tbegħidt minnu kemm ma nħallihx jifxilni. Dan kien l-istat li sibt ruħi fih u Alipju fehem, għax jidhirli li għidtlu xi ħaġa, u l-kisra ta’ leħni wrietu li kont se ninfaqa’ bil-biki. Għalhekk qomt u hu baqa’ bilqiegħda fejn konna, mibluħ bil-għaġeb. Inxtħett ma nafx kif taħt siġra tat-tin u ħallejt id-dmugħ jinxtered qisu xmara minn għajnejjja bħala sagrifiċċju li jogħġbok. Domt ħafna ngħidlek, mhux b’dan l-istess kliem, iżda f’dan is-sena: Mulej, int kemm se ddum ma tismagħni! Mulej, għal dejjem se tibqa’ nkurlat! Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi. Għax ħassejt ħtijieti għadhom iżommuni u fil-miżerja tiegħi qgħadt nokrob u ngħid, “Kemm se ddum iġġebbed u tgħid, Għada, għada! Għax mhux illum! Għax ma ttemx il-għajb tiegħek issa stess!”

Ikompli jirrakkonta Santu Wistin: “Dan hu li għidtlek, waqt li fil-qrusa u s-sogħba ta’ qalbi bqajt il-ħin kollu nibki. U f’daqqa waħda mid-dar fil-qrib wasalli leħen, ma nafx kienx ta’ tifel jew tifla, ikanta u jtenni sikwit, “Hu f’idejk u aqra”. Minnufih wiċċi ħa bixra oħra u bdejt inqalleb ħafna moħħi biex niftakar jekk hemmx xi logħob li fih it-tfal is-soltu jkantaw xi ħaġa bħal dik li smajt, iżda ma stajtx niftakar li xi darba smajtha xi mkien. Waqqaft ix-xmara tad-dmugħ u qomt bilwieqfa. It-tifsira li tajt lil dak il-kant kienet li Alla rieni niftaħ il-ktieb u naqra l-ewwel kapitlu li nsib. Kont smajt li darba Anton fetaħ il-ktieb tal-Evanġelju u qara dan il-kliem li stħajlu twissija għalih: Mur, biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja u imxi warajja. Dan il-kliem ħadu għalih u minnufih dar lejk. Erġajt mort malajr fejn Alipju kien baqa’ bil-qiegħda, meta tlaqt minn ħdejn, hemmhekk ħallejt warajja l-ktieb tal-ittri tal-Appostlu [San Pawl]. Qbadtu f’idejja, ftaħtu, u qrajt fis-skiet l-ewwel kapitlu li waqa’ taħt għajnejja: Mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbaħrid, mhux bil-ġlied u l-għira, imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu (Rum 13, 13-14). Ma ridtx naqra iżjed, għax ma kellix għalfejn. Kif temmejt il-qari ta’ dan il-kliem, minnufih ħassejt qisu dawl ta’ fiduċja sħiħa jimlili qalbi u d-dlamijiet kollha tad-dubju ħarbu”.

Lejn l-aħħar tas-sena 386, Wistin waqaf mill-ħidma tiegħu ta’ għalliem u beda jaħseb biex jitgħammed fil-Knisja Kattolika. L-isqof Ambroġ għammdu fil-Vġili tal-Għid tas-sena 387. Fi triqthom lura lejn l-Afrika, Wistin flimkien ma’ ommu Monika kellhom jieqfu fil-belt marittima ta’ Ostja Tiberina (viċin Ruma). Tul din il-waqfa tagħhom hemmhekk Wistin u ommu Monika kellhom esperjenza spiritwali qawwija, l-hekk imsejħa ‘viżjoni mistika ta’ Ostja’. Xi jiem wara Monika mardet, u kien hawn f’Ostja li hi kellha tħalli din il-ħajja. Il-fdalijiet ta’ Santa Monika illum jinsabu fil-Bażilika ta’ Santu Wistin, f’Ruma.

Meta reġa’ lura f’Tagaste, Wistin, flimkien ma’ ibnu Adeodat, beda jgħix flimkien ma’ xi ħbieb tiegħu, fosthom Alipju, fid-dar tal-familja. Dan kien il-bidu tal-ħajja komunitarja reliġjuża kif imfassla minn Wistin, li tiddistingwi ruħha bħala ħajja sempliċi u ta’ ġabra, fejn ħadd ma kellu xejn tiegħu u l-ġurnata kienet titqassam bejn talb, studju u ħidma manwali.

Ftit snin wara, fis-sena 391, Wistin kellu jħalli Tagaste u jmur jgħix Ippona, għax kien ġie magħżul biex ikun il-futur isqof ta’ din il-belt. Wistin aċċetta kontra qalbu li jiġi ordnat saċerdot u jgħin fit-tmexxija tal-knisja ta’ Ippona minħabba li Valerju, l-isqof tal-post, kien mgħobbi biż-żmien. Però hawn ukoll, sew meta kien saċerdot kif ukoll wara meta laħaq isqof, anke jekk issa kien mgħobbi b’ħafna responsabiltajiet, hu qatt ma warrab l-ideal tal-ħajja komunitarja, tant li biddel id-dar tal-isqof f’monasteru, u b’hekk baqa’ jgħix il-ħajja komunitarja li tant kienet għall-qalbu.

Bħala isqof, Santu Wistin iddistingwa ruħu sew bħal ragħaj viċin ħafna tal-poplu, b’mod partikulari tal-foqra u l-batuti, kif ukoll bħala xandar tal-fidi Kattolika. Dan wettqu permezz tal-ħafna kotba, ittri u diskorsi tiegħu. Il-kitbiet tiegħu kienu magħrufa u mfittxija ħafna. Numru kbir ħafna ta’ kitbiet għandna nistgħu naqrawhom sallum bħala l-akbar wirt li ħallielna. Fost ix-xogħolijiet tiegħu, l-iktar magħrufa huma: L-Istqarrijiet, Il-Belt t’Alla (tradotti wkoll għall-malti) u It-Trinità.

Barra minn kitbietu hu magħruf u mfittex sew għad-diskorsi tiegħu, sew fid-djoċesi tiegħu ta’ Ippona kif ukoll f’diversi bliet fl-Afrika ta’ Fuq, b’mod partikulari f’Kartaġni. Fil-vjaġġi tiegħu hu kien jiġi mistieden sabiex iqawwi fil-fidi lill-insara tal-post. Hu kien jagħmel dan permezz ta’ diskorsi mqanqla, mimlija tagħlim dwar Alla u għerf uman. B’xorta tajba bosta minn dawn id-diskorsi ġew traskritti u hekk il-kelma tiegħu għada tidwi fostna wkoll.

Fiż-żmien li għex fih Wistin, l-isqof barra li kien ragħaj spiritwali, għalliem u predikatur, kellu ukoll doveri ċivili, l-iktar bħala difensur (ħarries) tal-belt kif ukoll bħala imħallef tal-qorti ċivili fil-belt tiegħu. Bosta huma l-ittri li ħarġu minn idejn Santu Wistin u li llum nistgħu insibu l-ħsibijiet tiegħu fihom.

L-ideal ta’ Santu Wistin sab il-qofol tiegħu sekli wara meta ffurmaw ħafna komunitajiet reliġjużi li fasslu ħajjithom fuq ir-Regola li kien kiteb għall-irħieb (reliġjużi irġiel u nisa) li kienu jgħixu fil-monasteri li huwa waqqaf (il-monasteru tar-reliġjużi rġiel, tan-nisa u tas-saċerdoti li kienu kollaboraturi tiegħu fit-tmexxija tad-djoċesi).

Dawn il-komunitajiet ħadmu b’dedikazzjoni għat-tħabbir tal-Evanġelju f’diversi pajjiżi, iddefendew il-fidi bil-predikazzjoni u bit-tagħlim, u ħadmu b’riżq il-bniedem sħiħ. Ir-reliġjużi Agostinjani huma meqjusa bħala l-werrieta spiritwali ta’ Santu Wistin.

Għad-dinja kollha Santu Wistin jibqa’ mfakkar bħala dak il-ħassieb kbir, li fih wieħed isib minjiera ta’ tagħlim Nisrani, kif ukoll il-qaddis li għex l-ideal tal-ħajja komunitarja imma għamel minnha l-qofol tal-mixja tal-qdusija: ħajja msejsa fuq fl-għaqda ta’ bejn l-aħwa fit-tfittxija ta’ Alla, fejn ħadd ma jqies bħala xi ħaġa tiegħu imma kollox hu ta’ kulħadd, fuq l-eżempju tal-l-ewwel komunita nisranija (ara Atti, 4, 32).

Santu Wistin miet fit-28 ta’ Awwissu 430. Għalhekk il-knisja tiċċelebra t-tifkira tiegħu nhar it-28 ta’ Awwissu. Barra minn hekk l-Agostinjani jiċċelebraw ukoll il-konverżjoni tiegħu, nhar l-24 ta’ April.

Scroll to Top