Antonju kien minn Milan u twieled mill-familja Della Torre għall-ħabta tal-1424. Mitfugħ fuq l-istudju huwa ħa lawrja fil-mediċina f’Pavia u għamel xi żmien jaħdem ta’ tabib f’Milan sakemm sar midħla ta’ l-Agostinjani tal-kunvent famuż ta’ San Mark fejn talab li jidħol. Kompla l-formazzjoni tiegħu u ġie ordnat saċerdot f’Milan.
Wara ftit ġie mibgħut fil-kunvent ta’ San Nikola f’Foligno fejn ikkonferma d-devozzjoni lejn il-Madonna li minn għandha rċieva ħafna grazzji spiritwali u għalhekk sar promotur għad-devozzjoni lejha.
Imbagħad insibuh jorganizza pellegrinaġġi u minn Foligno narawh imur fis-Santwarju ta’ Loreto u kemm-il darba kien jieqaf Tolentinu, post ġa magħruf għal San Nikola u li bil-fors trid tgħaddi minnu biex taqsam għall-baħar Adrijatiku. Fl-1454 insibuh Ruma fejn il-qabar ta’ l-Appostli u minn hemm għas-Santwarju ta’ San Ġakbu ta’ Campostella. B’dan il-ġiri bdiet tikber iżjed il-fama tiegħu ta’ qdusija speċjalment il-karità li kien jagħmel mal-morda u l-batuti u li kien idur bihom bl-esperjenza li kellu ta’ tabib.
Fl-1474 ġie mibgħut f’Aquila biex jirranġa t-tilwim li kien hemm f’dik il-belt. Hawn wera l-għerf tiegħu u l-ħila li kellu għall-Evanġelizzazzjoni u bħala patri spiritwali. Mal-virtujiet tiegħu, it-talb u l-penitenzi joħorġu l-mirakli li kienu għamluh meqjum ħafna min-nies.
Għal tmintax-il sena messa spiritwalment il-kunvent Agostinjan ta’ Santa Luċija. F’Aquila waqqaf l-Ammantellate ta’ Santu Wistin, għaqda li damet sal-1809.
Miet fl-24 ta’ Lulju 1494 u ġie midfun fil-knisja ta’ Santu Wistin f’Aquila. Fl-1808 ġie meħud f’dik ta’ Collemaggio u fl-1838 f’dik ta’ San Bernard. I-kult tiegħu ġie kkonfermat fl-1 ta’ Lulju 1759.
Mill-1987 il-Beatu tqiegħed fil-knisja tal-Monasteru Agostinjan San Amico fejn huwa vererat flimkien mal-Beata Kristina mill-Aquila.
Marziano Rondina, o.s.a.
Acta SS. Iulii, V, Venezia 1738, 832-47 (riporta la “Vita” di C. Ciminelli, OSA., mss. 742 della Bibl. Angelica di Roma); PALMIERI, A., OSA., Antoine d’Aquila ou A. Turriani (della Torre), in Dict d’Hist. et de Geogr. Eccl. III, Paris 1924, 753-54; PAZZINI, A., B. A. della T., in santi nella storia della mediċina, Roma 1937, 421-27; *CIACOMINI, A. M., OSA., A. da l’Aquila, beato, in BS. II, Roma 1962 (rist. 1983), c. 149-50; RECCHIA, M., OSA., Il Beato A. della T. a Turriani. Religioso agostiniano e sacerdote. Milano 1424 – Aquila 1494, L’Aquila 1987 (2ª ed. 1994).