Twieled ġo Furci (Abruzzo) fl-1246 minn ġenituri sinjuri li ma setgħux ikollhom tfal. Skond it-tradizzjoni li fuqha għandna l-istorja ta’ ħajtu huma ġabuh bl-interċessjoni ta’ San Mikiel Arkanġlu meta marru pellegrinaġġ fis-santwarju tiegħu ħdejn il-Gargano. Fil-magħmudija tawh l-isem ta; Anġlu li hu żamm ukoll meta daħal reliġjuż.
Il-ġenituri tawh edukazzjoni eżemplari u wara ġie fdat f’idejn zijuh min-naħa t’ommu li kien abbati Benedittin ta’ Cornaclano ħdejn Furci, u miegħu mexa ‘l quddiem sew fit-tagħlim kif ukoll fil-qdusija. Wara li miet zijuh, Anġlu mara lura Furci u wara l-mewt ta’ missieru mar Vasto fejn fl-1266 daħal ma’ l-Agostinjani u magħhom kompla l-istudji u sar saċerdot. Meta kellu ħamsa u għoxrin sena bagħtuh jistudja fis-Sorbonne ta’ Pariġi fejn dam ħames snin. Wara li ġie lura l-Italja għallem f’ħafna kunventi sakemm bagħtuh fl-istudju ta’ Napli fejn baqa’ sal-mewt.
Kien magħruf bħala teologu u oratur, l-kittieba ta’ l-istorja jgħidu li hu kiteb ukoll kumment fuq San Mattew u ġabra ta’ priedki li llum ma nafux x’sar minnhom. Fil-1287 ġie magħżul superjur tal-Provinċja ta’ Napli u wara ma riedx isir isqof ta’ Acerra u ta’ Melfi.
Miet f’Napli fil-kunvent ta’ Santu Wistin alla Zecca fis-6 ta’ Frar 1327 fejn ġie midfun. In-nies, billi diġà kien meqjus bħala qaddis f’ħajtu, bdew jitolbuh għalihom quddiem il-Mulej u hu beda jaqlagħlhom grazzi. Għalhekk bdew iqisuh mal qaddisin patrun ta’ Napli u bdew jagħmlulu l-festa fis-6 ta’ Frar u fit-13 ta’ Settembru. F’Awwissu tal-1808 il-fdalijiet tiegħu ħaduhom Furci fejn ġa kellu d-devozzjoni tan-nies.
Fl-20 ta’ Diċembru 1888 il-Papa Ljun XIII għamlu beatu għax approva l-kult ab immemorabili.
Agostino M. Giacomini, o.s.a. (+ 1994)
Sacra Rituum Congregatione. Neapolitana seu Vasten. Confirmationis cultus ab immemorabili tempore praestiti Servo Dei Fr. Angelo a Furcio, Romae 1888; *LANZA. F., OSA., Vita del b. A. da F. Roma 1889; *PERINI, D., OSA., Il B. A. da F. Agostiniano. Note biografiche 1327-1927, Firenze 1927; DI GIOVANNI, M., Una gloriosa figura d’Abruzzo. Vita del Beato A. da F., (Chieti) 1959; The life of Blessed A. da F. (Chieti, Italy), Siena 1959.
*A. da F. Beato, in BS. I Roma 1961 (rist. 1990), c. 1238-1239.