Nhar it-Tlieta 8 ta’ Diċembru, iċċelebrajna l-20 Anniversarju mill-ftuħ tal-Millennium Chapel.
Sfortunatament minħabba l-Pandemija ma stajniex niċċelebrawh kif mixtieq iżda bl-għajnuna t’Alla rnexxielna norganizzaw Quddiesa li ġiet imxandra live wkoll fuq il-paġna tal-Facebook tal-Millennium Chapel, biex b’hekk setgħu isegwuha dawk li xtaqu jingħaqdu magħna u ma setgħux. F’din il-quddiesa ftakarna wkoll f’dawk li mietu f’ċirkustanzi traġiċi, matul din is-sena u fis-snin l-imgħoddija.
Waqt il-quddiesa sar ringrazzjament lil Alla għall-tant ġid li sar matul dawn aħħar 20 sena permezz tal-Kappella mhux biss mill-aspett spiritwali iżda wkoll mill-aspett soċjali, permezz tal-WOW, li nbena erbgħa snin wara. Irringrazzjajna ‘l Alla wkoll għall-kull min b’mod jew ieħor għen biex il-Proġett tal-Kappella jkun possibli, għall-benefatturi kollha matul is-snin u għall-ħafna voluntiera li jogħġobhom joffru l-ħin tagħhom, għall-oħrajn.
Huma bil-bosta l-individwi u l-familji li sabu u għadhom isibu l-għajnuna u l-faraġ tagħhom fil-Kappella, kemm permezz tal-Counselling, li jingħata u anke permezz tal-boroż tal-ikel li jitqassmu kull xahar lill-familji fil-bżonn. Il-Gruppi ta’ Sapport N.A. u A.A. ukoll isibu l-wens tagħhom f’dan il-Kumpless għax jiltaqgħu ukoll fuq bażi regolari f’’The Word’ Medidation Garden li ġie inawgurat sentejn ilu. Ta’ kull sena jiġu wkoll diversi studenti mill-iskejjel sekondarji għall-WOW Xperience – Seminar ta’ nofs ta’ nhar li fih nenfasizzaw li l-ħajja hi sabiħa.
Iċċelebra ‘l quddiesa Fr Hilary, il-Fundatur tal-Millennium Chapel u ikkonċelebraw miegħu id-Delegat tal-Arċisqof għad-Dajkonija Mons Charles Cordina u l-Pirjol tal-Komunita’ ta’ Paceville Fr Franco Grech. Il-Caritas ukoll ħadu sehem attiv fil-quddiesa. Is-Soprana Ruth Casingena u l-kantant Ivan Grech sebbħu ċ-ċelebrazzjoni permezz tal-kant sabiħ tagħhom, akkumpanjati minn Mario Balzan Demajo fuq l-orgni.
Wara l-quddiesa ingħad talb għar-ruħ dawk il-persuni li mietu f’ċirkostanzi traġiċi u għall-bżonnijiet tal-familji tagħhom ħdejn is-Siġra taż-Żebbuġ, hekk imsejħa ‘Is-Siġra tal-Ħajja’ quddiem l-entratura tal-Kappella u wara twaħħlu qlub bl-ismijiet tagħhom fuq l-istess siġra, biex b’hekk il-memorja ta’ dawn l-għeżież tagħna tinżamm ħajja għall-dejjem f’talbna, fi ħsiebna u f’qalbna.
Doreen Vassallo Grant