Min hu?
Is-sejħa agostinjana:
x’jagħmlek agostinjan?
Dak li jagħmilni agostinjan huwa s-sens ta’ komunjoni li aħna l-Agostinjani msejħin biex ngħixu l-ewwel fil-komunitajiet reliġjuzi tagħna, u mbagħad ma’ persuni oħrajn li l-Mulej ilaqqagħna magħhom fl-appostolat tagħna. Li nkun qalb waħda u ruħ waħda mal-oħrajn fil-mixja lejn Alla.
Kif tara l-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum?
Il-Kariżma agostinjana hija dejjem attwali għax hija bbażata fuq l-esperjenza umana u spiritwali ta’ Santu Wistin, esperjenza komuni għall-bniedem ta’ kull zmien. Santu Wistin dejjem kien ifittex….ifittex sens fil-ħajja, ifittex il-kuntentizza, ifittex il-verita’, ifittex il-paċi u l-ġustizzja…..f’kelma waħda jfittex lil Alla. Il-frażi famuża tiegħu “Qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistriehx fik” hija verita’ għal bniedem ta’ kull żmien. Santu Wistin induna li kien qed ifittex ‘l Alla barra minnu u li Alla kien ġewwa fih. Ried ifittex ukoll ma’ oħrajn. Għaliex meta ngħixu l-esperjenza li kull wieħed ikollu t’Alla nagħmlu kuraġġ biex inkomplu nfittxuh.
Min hu l-agostinjan għalik?
L-agostinjan għalija irid iħabbrek biex bl-għajnuna t’Alla ikun b’mod ħaj din l-emblema agostinjana. Huwa dak li jħalli lil qalbu timtela bl-imħabba t’Alla billi jzomm ruħu f’relazzjoni miegħU. Huwa dak li jħoss qalbu tħeġġeġ bl-imħabba lura lejn Alla, u jagħmel ħiltu biex juri dan billi jħobb lill-proxxmu tiegħu li huwa xbieha ta’ Alla.