Wara biss ftit xhur mil-mewt ta’ ħuna l-mibki Kardinal Prospero Grech, il-Papa għoġbu jagħti lill-Knisja fil-gżejjer tagħna kardinal ġdid fil-persuna ta’ Mons. Mario Grech, Isqof Emeritus tad-djoċesi ta’ Għawdex u Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma. F’post li tella fuq il-media soċjali, l-Isqof Grech irringrazzja lill-Familja Agostinjana, u partikolarment lill-Pirjol Ġenerali u l-Komunità tal-Kurja tal-Ordni f’Ruma fejn qed jgħix għal din l-aħħar sena u fejn kien ikun ospitat kuldarba li kien ikun Ruma matul is-snin tal-episkopat tiegħu. Fl-2017 filfatt l-Isqof Mario kien ġie affiljat uffiċjalment fil-Familja tagħna Agostinjana, u b’hekk huwa meqjus bħala iben l-Ordni f’rabta spiritwali.
L-Isqof Mario Grech twieled il-Qala Għawdex fl-20 ta’ Frar 1957. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-istat u wara kompla bl-istudju tal-Filosofija u t-Teologija fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu f’Għawdex. Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu fis-26 ta’ Mejju 1984 huwa kompla l-istudji tiegħu f’Ruma minfejn kiseb Liċenzja mill-Universita Pontifiċja tal-Lateran u Dottorat fid-Dritt Kanoniku mill-Universita Pontifiċja Angelicum. Lura Malta huwa serva f’diversi uffiċċji fosthom dak ta’ Vigarju Ġudizzjarju tad-djoċesi ta’ Għawdex, għalliem tad-dritt Kanoniku fis-seminarju ta’ Għawdex, membru tat-Tribunal Metropolitan ta’ Malta u kappillan fil-Parroċċa ta’ Kerċem. Fis-26 ta’ Novembru 2011 il-Papa Benedittu XVI ħatru isqof ta’ Għawdex fejn serva sakemm il-Papa Franġsiku ħatru Pro-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u fil-15 ta’ Settembru 2020 Segretarju tal-istess Sinodu tal-isqfijiet.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija tifraħ lil Mons. Mario Grech fl-okkażjoni tan-nomina tiegħu bħala kardinal u tirringrazzjah tal-viċinanza tiegħu, waqt li tawguralu fis-servizz li qed jagħti lill-Knisja Universali